“Id-demm iġib iktar demm u l-gwerra tħalli ħafna vittimi”.
Kliem id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo s-Sibt filgħodu f’kollegament telefoniku fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista li matulu fetħilha kontra d-deputati li qegħdin isejħu għar-riżenja tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Vassllo stqarr li “Irridu niftakru li d-demm iġib iktar demm u l-gwerra vittmi tħalli.”
Vassallo, deputat ewlieni fil-fazzjon ta’ Delia, ħadha qatta’ bla ħabel kontra d-deputati tal-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil u qal li għandu r-rabja.
Vassallo tkellem dwar id-double standards fost id-deputati tal-fazzjoni Busuttil. Akkużahom li waqt li jitkellmu ħafna dwar id-demokrazija, ma jridux jirrispettaw id-demokrazija interna tal-Partit Nazzjonalista li wasslet għall-ħatra ta’ Delia bħala Kap tal-Partit. Dan għax iridu jerġgħu jieħdu l-poter taħt idejhom.
Vassallo saħaq: “Trid tirrispetta d-demokrazija. Id-demokrazija anke interna. Aħna nitkellmu tant ejjew nsaħħu tant id-demokrazija fil-pajjiż. M’aħniex kapaċi nirrispettaw id-demokrazija interna? M’aħniex kapaċi nirrispettaw it-tisħiħ tal-valur tar-rispett? M’aħniex kapaci nirrispettaw li l-politika tfisser responsabbiltà u mhux ġlieda għal poter.”
Vassallo qal li s-sejħa għar-riżenja ta’ Delia minn Kap tal-Partit tmur lil hinn mill-istħarriġ tal-opinjoni pubblika. Dan għax fi kliemu surveys bħal dawn qatt ma wasslu għal sejħa ta’ riżenja fil-konfront tal-predeċessuri ta’ Delia kif qed jagħmlu llum għal skopijiet ulterjuri.
Vassallo qal: “Aħna qatt meta kellna survey li kienu l-elezzjonijiet ma għedna lil Eddie Fenech Adami jinżel? Għidna lil Lawrence Gonzi jinżel? Għidna lil Simon Busuttil jinżel?”
Matul l-intervent tiegħu fuq ir-radju Nazzjonalista, Edwin Vassallo kompla jappoġġja lil Delia, hekk kif il-ġlieda bejn iż-żewġ fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista kompliet tiħrax.