Id-deputat Nazzjonalista, Edwin Vassallo, reġa’ kien ċar.
Qal li Simon Busuttil, il-Kap tal-Partit tiegħu, huwa fake, jew aħjar falz.
F’kummenti mat-Times of Malta dwar il-vot tiegħu kontra l-liġi tal-ugwaljanza fiż-żwieġ Edwin Vassallo ma qgħadx idur mal-lewża u reġa’ tenna li jrid vot ħieles.
Appell li fil-Parlament għamlu wkoll Claudio Grech, għalkemm b’mod inqas dirett.
“Primarjament jien nixtieq ningħata l-possibiltà tal-free vote. Fin-nuqqas tal-free vote nieħu d-deċiżjonijiet tiegħi,” qal dan Vassallo.
Li Edwin Vassallo deputat nazzjonalista jattakka l-Prim Ministru hija mistennija, iżda din id-darba ma waqafx hemm. Fl-attakk żied lill-Kap tal-Partit tiegħu stess, Simon Busuttil.
Vassallo qal “Fil-preżent kull ma qed nara huwa liberaliżmu falz ta’ Muscat u Busuttil jipprova jgħid li huma liberali filwaqt li ma jippermettu lil ħadd jaħseb differenti. Din hi oppressjoni tad-drittijiet fundamentali.”
Edwin Vassallo kompla jtenni li jrid vot ħieles u reġa’ semma l-eżempju tal-Parlament Ġermaniż fejn Angela Merkel, mill-istess familja tal-Partit Nazzjonalista, tat vot ħieles.
Hu qal li “fil-Parlament Ġermaniż Merkel għal ligi li qas hija kkumplikata daqs taghna. Kontenut ta’ liġi ferm iktar kumplikat, tathom il-free vote, għaliex le. Kemm se ndumu nżommu deputati tagħna mjassrin f’din it-tip ta’ demokrazija. Libertà li ħadd m’hu jirrispetta.”
Edwin Vassallo għamilha ċara wkoll l-ġlidiet tiegħu se jagħmilhom mill-Partit Nazzjonalista.