L-arja tqila fil-Partit Nazzjonalista kienet riflessa fid-diskorsi taż-żewġ kelliema li l-Ħadd filgħodu tkellmu qabel il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Fl-intervent tiegħu, Edwin Vassallo li huwa wieħed mill-ftit Depuati li jridu lil Adrian Delia jibqa’ kap tal-partit sostna li n-nies tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil huma ta’ għajb. “Huwa wkoll ta’ għajb, huwa stat ta’ għajb li bħala partit, bħala pajjiż wassalna lilna nfusna fih”
Vassallo appella wkoll biex in-nies ta’ kontra Adrian Delia jibdew jibżgħu minn Alla. “L-akbar għerf tagħna irid ikun l-umiltà u l-biża t’alla. Mhux is-suppervja, egoiżmu, mhux il-gwerra tal-personalitajiet” appella Vassallo.
F’botta diretta mmirata lejn il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil li ilhom sentejn iniżżlu n-nies fit-toroq għal diversi protesti, Vassallo talab ukoll sabiex huma wkoll jibdew jipprattikaw il-valur tad-demokrazija “Inżilna f’dimostrazzjonijiet, intom inżiltu fit-triq biex tiddefendu d-demokrazija ta’ pajjina. Irridu nkunu kapaċi nirrispettaw id-demokrazija fil-partit tagħna”.
Fakkarhom ukoll li s-surveys ilhom snin jindikaw telf għall-Partit Nazzjonalista “Kull survey juri li l-pn qed jitlef in-nies mhux illum ta tlifnihom. Ilna ġejjin”. Vassallo sostna wkoll li dawk li qed joħduha kontra Adrian Delia jaħsbu li jafu kollox filwaqt li ħaddieħor ma jaf xejn “Għandna min jaħseb li fil-PN jaf kollox u ħaddieħor ma jaf xejn. Hu intelliġenti u ħaddieħor muhiex. Li xi ħadd għandu l-privileġġ iħares l-isfel” tenna Vassallo.
Vassallo talab ukoll lill-Kap sabiex ma jaċċettax ir-riżenji ta’ Clyde Puli u Robert Arrigo li tul il-jiem li għaddew ċedew għall-pressjoni u rriżenjaw “nitolbok sur Kap, ħabib tiegħi ibqa żomm lil dawk li offrew ir-riżenja. Ibqa żommhom”
B’ton miksur, Graziella Galea, l-eks sindku ta’ San Pawl il-Baħar li kienet se tiġi sfiduċjata minn sħabha n-Nazzjonalisti stess ukoll kellha kliem ta’ twissija għal fazzjoni ta’ Busuttil “ma stajtx noqgħod siekta nara dak li qed jiġri u dak li qed nisma. Il-karba ta’ dak in-nazzjonalist ġenwin li ma jiktibx post Facebook u lanqas Instagram”
B’mod iddisprat hija ddikjarat ukoll li l-Partit Nazzjonalista xejn m’hu business as usual “illum mhux buisness as usual u importanti naħsbu li mhux hekk. Illum stess irridu naraw x’hemm bżonn biex verament ningħaqdu”.
Hija esprimiet ukoll biża li din it-taqbida għat-tmexxija tista’ tisfuna lill-Partit Nazzjonalista fix-xejn “ħafna jinsabu mitlufa għall-kliem u jistaqsu fejn se jispiċċa l-partit. Ħafna jistaqsu wkoll li dan il-partit jista jispiċċa fix-xejn”