Id-deputat Nazzjonalista, Edwin Vassallo, se jikkontesta għall-kariga ta’ Viċi-Kap għall-Affarijiet tal-Parlament, ladarba ma ntlaħaqx qbil biex ikun Chris Said li jokkupa dik il-kariga. Ikkonferma dan Edwin Vassallo nnifsu li qal li hu lest jirtira l-kandidatura tiegħu jekk David Agius jirtira mit-tellieqa biex Chris Said isir Viċi-Kap b’mod awtomatiku.
Din id-dikjarazzjoni ta’ Vassallo qed tkun meqjusa bħala sfida diretta għal Adrian Delia li iktar kmieni din il-ġimgħa qal li Chris Said għandu jikkontesta l-kariga iżda f’ebda ħin ma’ indika li seta’ jkun hemm xi ftehim biex jikkontesta waħdu kif kien sar fil-każ ta’ Mario De Marco wara li tilef ma’ Simon Busuttil.
Dan fl-istess ħin li mar jiġri għand Robert Arrigo jitolbu ma jikkontestax biex Clyde Puli ma jkollux inwkiet jirbaħ il-kariga ta’ Viċi-Kap għall-Affarijiet tal-Partit.
Edwin Vassallo qal li għalih l-iktar importanti hu li joffri d-disponibbiltà tiegħu lill-partit u qal li jrid joffri spalla wkoll lill-Kap Adrian Delia. Saħansitra żied li din id-deċiżjoni kienet ikkomunikata lil Delia f’laqgħa li kien hemm fl-aħħar jiem. “Irrid naħdem għat-tisħiħ tal-partit,” qal Edwin Vassallo li tenna li l-partit qed isejjaħlu.
Intant ikkuntattjat minn One.com.mt, David Agius qal li mhux se jirtira ismu minn din it-tellieqa u se jkun qed jitfa’ n-nomina tiegħu għall-kariga ta’ Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament.