Il-Professur Edward Scicluna mhux se jkun qed jirċievi s-salarju sħiħ tiegħu, iżda nofsu wara li talab biex ma jibqax jaqdi l-funzjoni ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali sakemm għaddejin proċeduri fil-Qorti fil-konfront tiegħu.
Mas-sit Lovin’ Malta, il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif meta tkellem mal-Professur Scicluna hu aċċetta li jkun ittrattat bl-istess mod bħal kull uffiċjal taċ-Ċivil, jiġifieri li, la m’intix ħati, iżda qed tiffaċċja akkużi, tieħu nofs il-paga.
Il-Prim Ministru qal li l-Bank Ċentrali Ewropew kien lest jiddefendi lil Scicluna quddiem il-Qrati li kieku ma ġietx rispettata l-awtonomija tal-Bank Ċentrali Malti. Dan ġara fil-każ meta l-Gvern tal-Latvja kien neħħa lill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali tiegħu u, sussegwentament, spiċċa ttieħed il-Qorti fejn tilef il-kawża.
F’dan il-każ, il-Gvernatur fil-Latvja kien weħel ukoll sitt snin ħabs, iżda l-Qorti kienet qalet li l-Gvern tal-pajjiż ma rrispettax l-awtonomija tal-Bank Ċentrali meta ddeċieda li jneħħih.
Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka wkoll li, anke jekk hemm qafas legali Ewropew li jiddefendi lill-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali, iħoss li d-deċiżjoni li Scicluna ħa biex ma jibqax jaqdi l-funzjoni ta’ Gvernatur, kienet fl-interess tal-pajjiż.