B’referenza għal konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista dwar is-settur tal-edukazzjoni, il-Ministeru għall-Edukazzjoni nnota li l-Kelliema tal-Oppożizzjoni bħas-soltu, maħkuma minn politika ta’ kritika negattiva u qalu biss li huma alternattiva biex is-sitwazzjoni fis-settur edukattiv tittejjeb, imma fl-istess waqt ma ppreżentaw ebda soluzzjoni jew viżjoni f’dan il-qasam.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Edukazzjoni stqarr li fejn jidħlu talbiet ta’ LSEs, qed tkompli tiġi msaħħa s-sistema, fosthom bil-mod kif ikunu ngaġġati u l-implimentazzoni li jkun hemm it-tieni Statementing Board, ħalli l-applikazzjonijiet ikunu pproċessati mill-ewwel.
Issemma li twaqqaf kumitat inter-ministerjali li jħaddan fih stakeholders minn dan il-qasam; ġiet ikkummissjonata riċerka dwar ir-realtajiet tal-każijiet ta’ bħalissa fl-iskejjel u bdiet ukoll ħidma konġunta mal-Aġenzija Ewropea tal-Inklużjoni biex jerġa’ jsir audit dwar l-inklużjoni fl-edukazzjoni.
Dan kollu flimkien mal-ħidma msemmija fit-tielet pilastru tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni, li se jwassal biex fix-xhur li ġejjin ikollna mudell ta’ inklużjoni sħiħ, ħalli l-istudenti kollha jkunu fiċ-ċentru.
Dwar l-LSEs, il-Ministeru qal li fl-2022 kienu approvati 808 student biex jingħataw is-servizz ta’ LSE u fl-2023 ġew approvati 840.
Sal-aħħar tal-2023, kien hemm 2,862 LSES li jaħdmu fl-iskejjel tal-istat, bin-numri ta’ LSEs ingaġġati qed ikompli jikber minn sena għall-oħra.
L-istqarrija temmet tgħid kemm il-gvern verament jemmen fl-istudenti kollha, jagħtihom l-appoġġ meħtieġ u b’hekk jintlaħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom f’edukazzjoni ħolistika.