Romina Baldacchino, edukatriċi Maltija tal-Kindergarten, li tgħallem fl-iskola Primarja Sant’ Anna f’Wied il-Għajn ġiet rikonoxxuta b’unur prestiġġjuż fuq livell Ewropew fuq proġett tal-eTwinning.
Il-proġett bl-isem ta’ “Storytelling Leads to Robotics”, rebaħ il-kategorija għal studenti ta’ 6 snin wara li kkompeta ma’ 860 proġett ieħor minn madwar l-Ewropa.
Romina Baldacchino qalet li dan kien unur għaliha u kif Malta tinsab fuq quddiem fil-qasam tal-edukazzjoni fil-Kindergarten.
Hija qalet: “Kien unur kbir għalija. Għalija jfisser ukoll li aħna bħala Kindergarten Malta għandna livell tajjeb ħafna u nikkompetu wkoll ma’ ta’ barra.”
Fil-proġett, Baldacchino kkollaborat ma’ bosta edukaturi minn Franza, il-Greċja u l-Ġermanja u flimkien ħolqu storja u karattru li ngħataw il-ħajja permezz ta’ riżorsi tekonoloġiċi.
B’dan il-mod it-tfal tgħallmu xi tfisser tagħmel storja.
Hija kompliet tirrimarka: “Dan kien proġett li nħadem is-sena l-oħra ma’ tfal ta’ 4 snin tal-Kinder 2. Il-proġett kien fuq stejjer, stejjer bħal pereżempju r-raġel tal-ħelu, il-ġidra enormi, u b’hekk it-tfal tgħallmu xi tfisser tagħmel storja b’dan il-mod.”
L-eTwinning hija pjattaforma fuq livell Ewopew immirata lejn l-edukaturi kollha bl-għan li jaħdmu u jiżviluppaw proġetti flimkien li jkunu ta’ benefiċċju għall-komunità.
Rose-anne Camilleri, il-Koordinatriċi ta’ Etwinning qalet: “
“Aħna ġejna onorati bl-unur li għandna għalliema li rebħet l-Etwinning prize. Issa l-Etwinning prize huwa xi ħaġa prestiġġjuża għaliex aħna għandna dawk li ngħidulhom, l-Etwinning quality labels, li proġett li jkun qed jieħu sehem fl-Etwinning jieħu dan l-unur wara li jkun għadda minn ċertu kriterji.”
F’Ottubru li ġej, ir-rebbieħa tal-ETwinning huma mistiedna għall-konferenza li se ssir fi Franza fejn l-edukaturi se jkollhom l-opportunità li jippreżentaw il-proġetti tagħhom.