Mal-15,000 turist minn aktar minn 70 pajjiż differenti mistennija jkunu f’pajjiżna speċifikament għal erbat ijiem ta’ mużika elettronika u briju mill-aqwa fis-sitt edizzjoni tal-Glitch Festival.
Dan il-festival, li stabilixxa ruħu bħala wieħed mill-akbar fid-dinja, se jirritorna b’erbat ijiem konsekuttivi ta’ spettakli bejn il-Ħadd 13 u l-Erbgħa 16 ta’ Awwissu.
L-edizzjoni ta’ din is-sena se tara aktar minn 70 artist jieħdu sehem, b’taħlit ta’ talent lokali u wħud mill-akbar headliners internazzjonali fil-ġeneru tat-techno and house. Fost dawn hemm Charlotte de WITTE, I Hate Models, Bonobo, Richie Hawtin, Kobosil, Paula Temple u ħafna aktar.
Il-festival jiftaħ bil-kbir taħt is-swar tal-Belt Valletta, waqt li mbagħad kollox idur fil-Gianpula Village fi sfond tal-belt medjevali tal-Imdina fl-14 u l-15 ta’ Awwissu. Finalment, l-aħħar jum iġib il-festival fi tmiemu b’boat party u riċeviment.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, temm jgħid li festivals bħal dawn ikomplu jattiraw aktar turisti lejn pajjiżna matul ix-xhur tas-sajf.
Qal, “Hu stmat li għal dan il-festival biss se jiġu ’l fuq minn 15,000 turist minn madwar id-dinja kollha u għaldaqstant aħna rridu naraw li jkollna festivals bħal dawn ta’ kwalità li jkomplu jżewqu il-prodott turistiku ta’ pajjiżna u fl-istess waqt joffru dimensjoni oħra lil hinn mill-kultura u t-tradizzjoni, li naf li ħafna turisti jiġu għalihom f’pajjiżna, biex b’hekk inkomplu nagħtu iżjed offerti tajbin fejn jidħol it-turist li jkollna hawn Malta.”
Hu qal li t-turisti qed iħallsu l-eluf biex jiġu f’pajjiżna u għalhekk hemm bżonn li nkomplu naħdmu ħalli nidħlu aktar fid-dinja tad-divertiment permezz ta’ avvenimenti ta’ kwalità. Saħaq li dan is-sajf hu wieħed tajjeb ħafna fit-turiżmu u għaldaqstant għandna nkomplu nibnu biex insaħħu s-suċċessi li nkisbu diġà fl-ewwel sitt xhur.