Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb fetaħ il-bibien tiegħu għal edizzjoni oħra f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta li se jkun mifrux fuq ħamest ijiem b’diversi attivitajiet għall-familja kollha. L-għan ta’ dan il-festival huwa li jkompli jagħti spinta lill-kultura tal-qari waqt li jipprovdi opportunità lill-pubbliku biex jiltaqa’ mal-awturi tal-kotba u jipprovdi għażla wiesgħa ta’ kotba bl-ilsien Malti.
Waqt il-ftuħ uffiċjali, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima rringrazzja lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal mod kif bl-għajnuna tiegħu jippromwovi u jkompli jinseġ il-kultura tal-qari fost it-tfal. Huwa żied jgħid li fl-iskejjel primarji u sekondarji ddaħħlu eluf ta’ kotba ġodda biex jiżdied il-qari fost it-tfal.
Il-festival se jiftaħ b’konferenza, li din is-sena se tkun imsejsa fuq it-tema tal-Letteratura u d-Dijaspora u se tkun immexxija minn numru ta’ awturi barranin u lokali, fosthom Lou Drofenik, il-kittieba Maltija-Awstraljanja li s-sena li għaddiet rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2017 bir-rumanz The Confectioner’s Daughter. L-awturi barranin li se jieħdu sehem fil-konferenza huma Philip Ò Ceallaigh, Vera Duarte, u Nikola Petkovic.
Fil-ġranet ta’ matul il-ġimgħa, il-festival se jilqa’ numru konsiderevoli ta’ studenti u ħejja programm speċjali ta’ attivitajiet kulturali u divertenti inklużi drammi, attivitajiet ta’ qari u laqgħat ma’ kittieba. The Malta School of Visual and Performing Arts se tikkontribwixxi wkoll għall-avvenimenti ta’ filgħodu b’prestazzjonijiet imsejsa fuq temi letterarji.
Innovazzjoni importanti oħra għas-sena 2018 hija l-estensjoni tal-ispazju tal-esebituri fejn l-edizzjoni ta’ din is-sena se tinkludi sala oħra għall-esebituri u għal bosta preżentazzjonijiet ta’ kotba, diskussjonijiet, u attivitajiet kulturali li se jsiru.
Il-Festival Nazzjonali huwa miftuħ bejn is-7 u l-11 ta’ Novembru 2018 u għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit www.ktieb.org.mt.