Hekk kif qed joqrob ix-xahar ta’ Diċembru, se jirritorna l-avveniment annwali bl-isem ta’ ‘The Biggest Little Motor Show’, l-attività li tiġbor fiha għadd ta’ kollezzjonisti b’passjoni lejn il-mudelli tal-karozzi. Għall-ewwel darba, din il-wirja se tkun qed tittellgħa bejn it-12 u l-15 ta’ Diċembru fis-sala taċ-Ċentru Pastorali Qalb ta’ Ġesù fil-Qrendi.
F’din il-wirja, minbarra l-kollezzjonijiet popolari li jiġu esebiti minn żmien għall-ieħor, wieħed jista’ jsib ukoll diversi mudelli ta’ karozzi, bħal dawk li dehru f’films popolari, u esebizzjoni ta’ muturi u helmets.
Din is-sena se jkun hemm ukoll żewġ kollezzjonijiet ta’ karozzi mill-Formula 1.
Fost l-għadd kbir ta’ dioramas fil-wirja, se jkun armat ukoll il-mudell taċ-ċirklu, li jkun ta’ attrazzjoni ewlenija ta’ kull sena. Ma’ dawn se tiġi esebita dar tal-pupi mill-kollezzjoni ta’ Rebecca Micallef, li se tkun preżenti wkoll fl-attività.