Fil-ftuħ tal-attività Kwalità Malta l-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar kif l-ikbar għajnuna li l-gvern jagħti lin-negozji hi li jħallihom jaħdmu u joħloq ambjent li jagħtihom iktar opportunitajiet.
Spjega dwar kemm inbidlet Malta minn meta fl-2011 saret l-ewwel edizzjoni ta’ Kwalità Malta. Għal dan radd ħajr lill-intraprendituri u n-negozji Maltin għax is-suċċess inkiseb bil-bżulija tagħhom.
Il-Prim Ministru spjega s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li iktar negozji Maltin qed jinvestu f’oqsma ġodda. Dan mhux biss f’pajjiżna iżda wkoll lil hinn minn xtutna tant li fisser is-sodisfazzjon tiegħu kif f’pajiżi diversi, miċ-Ċina għal Maċedonja, isib investiment Malti.Tkellem ukoll kif ir-riżultat ta’ inizjattivi diversi huwa dak li qed iwassal biex il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li s-sena d-dieħla l-ekonomija Maltija se tkun dik li l-iktar tikber fl-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar ukoll li Malta se jkollha żieda fil-pagi tal-ħaddiema li huwa t-triplu taż-żieda li l-istess rapport qed ibassar għall-bqija tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Qal ukoll li d-dħul tan-negozji s-sena li għaddiet kien 70% iktar mill-ewwel darba li tnediet din il-fieraSinjal tal-fiduċja li ddawar ukoll l-edizzjoni tal-fiera għal din is-sena li fiha qed jesebixxu iktar minn 100 esebitur.