Il-Festival ŻiguŻajg se jirritorna bil-ħdax-il edizzjoni tiegħu fil-ħarifa, bejn id-dsatax u t-tmienja u għoxrin ta’ Novembru.
Dan il-festival t’Arti għat-tfal u ż-żgħażagħ se jintwera permezz ta’ programm diġitali u anke avvenimenti diretti.
Waqt it-tnedija ta’ ŻiguŻajg, il-Ministru għall-Arti, José Herrera faħħar ir-reżiljenza tal-artisti, li wara ħafna limitazzjonijiet, adattaw għaċ-ċirkostanzi u rritornaw biex jagħmlu dak li tant iħobbu.
Qal, “Dis-sena għandna festival li huwa hybrid, fis-sens li bdejna nersqu lejn in-normal, allura se jkun hemm interazzjoni diretta man-nies, però dak li tgħallimna mill-ħajja diġitali se nżommuh u għalhekk hemm l-aspett diġitali wkoll.”
Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Ċentru għall-Kreattività, Rupert Cefai spjega kif it-taħlita ta’ spettakli diretti u diġitali għenet biex is-sena l-oħra, dan il-festival ġie segwit minn nies f’pajjiżi oħra.
Qal, “Il-parti l-oħra li ħalliet impatt interessanti kienet li l-festival ġie segwit ħafna barra minn xtutna. Kien hemm lista interessanti, għalkemm mhux kbira ħafna, imma lista ta’ pajjiżi u ta’ nies li segwew il-festival minn pajjiżi oħra.”
Id-Direttriċi Artistika, Marta Vella ħeġġet lil kulħadd biex jirriserva post għal dan l-avveniment.
Qalet, “Se jkollna spettakli live ta’ ġeneri differenti, ta’ arti performattiva, u se jkollna ħafna spettakli għal etajiet differenti. Il-booking jiftaħ illum fuq www.ziguzajg.org u nħeġġu lill-familji, it-tfal u ż-żgħażagħ biex jerġgħu jiġu lura fit-teatri biex jaqsmu magħna dal-eċitament.”
André Mangion, li qiegħed fit-tim ta’ produzzjoni tal-Festival, qal li ŻiguŻajg se jsir b’konformità sħiħa mal-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa.
Spjega, “Qed nimxu mal-protokolli hekk kif maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa. Il-persuni minn tnax-il sena ’l fuq se jkollhom jippreżentaw ċertifikat tal-vaċċin, però dawk minn tnax-il sena ’l isfel, kif imħabbar ftit tal-jiem ilu, mhux se jkollhom bżonn juru PCR test.”