Għal sena oħra, bl-appoġġ tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, se tittella’ edizzjoni oħra tal-Malta International Food Festival, din id-darba estiża għal fuq il-Fosos tal-Furjana bejn is-sebgħa u l-ħdax ta’ Awwissu.
Din l-edizzjoni se tkun l-akbar waħda li qatt ittellgħet s’issa hekk kif se tinvolvi mal-elf prodott tal-ikel minn erbgħin pajjiż, b’togħmiet uniċi ppreparati dak il-ħin.
L-għan tal-festival hu li, minbarra li joffri ikel minn diversi gastronomiji f’ambjent ta’ divertiment, se jservi ta’ pjattaforma għal koki, importaturi u produtturi tal-ikel. Minbarra hekk se jkun hemm ukoll taħditiet dwar l-ikel, fosthom dwar ikel nutrittiv li jista’ jsir għal kuljum.
L-organizzatur tal-festival, Jonathan Pace spjega x’se jagħmel din l-edizzjoni differenti minn dawk passati.
“Bl-opportunità li ħadna bil-venue l-ġdid se nkunu qegħdin noffru żoni ġodda li qatt ma seta’ jkollna qabel, fejn apparti li, għall-ftuħ ta’ dan l-avveniment, se jkollna band internazzjonali bl-isem ta’ ABBA Tribute, isem li hu rikonoxxut ħafna kemm mal-Maltin kif ukoll mal-barrannin, tajjeb ukoll li ngħidu li se jinħolqu żoni li ma kellniex qabel, fosthom it-tieni stage fejn se nkunu qegħdin intellgħu ħamest ijiem ta’ shows u diskussjonijiet ma’ expat communities.”
Jonathan Pace – Organizzatur