L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia, dalgħodu indirizza Konferenza Nazzjonali dwar l-Etika fil-Ġurnaliżmu li qed tiġbor flimkien l-edituri u l-ġurnalisti kif ukoll esperti fis-suġġett.
L-Ispeaker saħaq dwar ir-rispett tad-Drittijiet u l-Libertajiet Fundamentali tal-Individwu, b’mod partikolari, id-dritt tal-espressjoni u tal-informazzjoni. Dan id-dritt jista’ jitqies, flimkien ma’ oħrajn, bħala fundamentali għal kull stat li jħaddan id-demokrażija parlamentari, saħaq l-Ispeaker.
Qal ukoll li l-għan aħħari tal-konferenza hu li mid-diskussjoni u djalogu fost persuni li jaqsmu l-istess professjoni ta’ xandara u ġurnalisti, jissawwar kodiċi ta’ etika li jirregola l-imġieba tal-ġurnalisti f’pajjiżna.
F’soċjetà pluralistika wieħed jiltaqa’ ma’ sfida partikolari biex jasal għat-tifsira tat-terminu “etika.” Hemm min iqis l-etika bħala għadd ta’ prinċipji ta’ imġieba korretta u tajba. F’dan l-istadju wieħed irid jagħmel għażliet bejn imġieba tajba u ħażina, bejn aċċettabbli u inaċċettabbli. Għaldaqastant, jeżistu prinċipji u valuri li aħna ngħożżu u li m’aħniex lesti li nitilqgħu għaliex inħarsu lejhom bħala għonja u tajbin kemm għalina u għal ħaddieħor.
L-ispeaker tenna li l-etika tista’ titqies bħal għad ta’ termini li jimponu obbligi raġonevoli, eżempju, id-dritt li wieħed jgħix, id-dritt li wieħed ma jkunx suġġett għall-imġieba diskriminatorja jew vittma ta’ persekuzzjoni, u d-dritt għal privatezza. L-Ispeaker tenna jgħid illi standards tal-etika huma għadd ta’ prinċipji morali li jgħinuna fl-imġieba tagħna ma’ oħrajn, u li permezz tagħhom aħna qed nagħtu sura lill-istituzzjonijiet soċjali u ngħixu ħajjitna skont prinċipji, standards u valuri li huma raġonevoli u msejsa fuq bażi soda ta’ valuri għonja.
Fl-egħuq tad-diskors tiegħu, l-Ispeaker sostna li l-edituri u s-sidien tal-aġenziji tal-aħbarijiet, għandhom jaraw illi jfittxu dejjem li jirrappurtaw il-verità u xejn aktar, l-obbligu li jkunu ta’ servizz lill-pubbliku u għaldaqstant, in-neċċessità li l-ġurnalisti jaġixxu b’responsabbiltà u fl-istess ħin jew waqt indipendenti u li jħossu l-obbligu u responsabbiltà li jagħtu kont tal-ħidma tagħhom b’mod mill-aktar trasparenti jew iwieġbu għal għemilhom.
Il-kodiċi tal-Etika li qed ikun propost mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin għandu jitqies bħala gwida li jgħin lill-ġurnalisti Maltin fil-professjoni tagħhom u fis-servizz li huma qed jagħtu lis-soċjetà Maltija sabiex il-prinċipji tad-demokrazija parlamentari f’pajjiżna, inkluż, ir-rispett lejn id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem jissaħħu.