Id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni f’seduta parlamentari li kkommemorat il-mitt sena mill-ftuħ tal-Parlament Malti kien out of order.
Hekk innota l-editorjal tal-gazzetta t-Torċa, fejn intqal li Bernard Grech għażel l-attitudni tal-każini l-Ħadd filgħodu, li mhiex addattata biex tmexxi lill-pajjiżek.
L-editur tal-gazzetta kiteb li l-konfront m’għandux ikun ir-regola tal-ġurnata u li d-diskors ta’ Grech stona f’seduta parlamentari kommemorattiva.
Żied jgħid li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu kull dritt u anki obbligu li jikkritika iżda għandu jifhem l-okkażjoni li jkun qed jitkellem fiha.
“Ikun hemm mumenti fejn dak li jkun jeħtieġ pajjiżna jkun sinjal ta’ għaqda nazzjonali u ta’ nhar it-Tnejn kien wieħed minnu iżda Bernard Grech dan ma fehmux. Biex anke fl -assenza tal-Prim Ministru, li kien fi Glasgow jirrappreżenta lil pajjiżna, il-Kap tal-Oppożizzjoni spiċċa ma qamx għall-okkażjoni”, saħaq l-editorjal tal-gazzetta.
L-editur żied jikteb, “Ma jistax ikun li jintilef biss f’dagħdigħa waħda ta’ negattività, fejn dak li jagħmel hu u ta’ madwaru tajjeb u dak li jagħmel ħaddieħor kollu ħażin.”
L-editorjal imbagħad innota l-messaġġ tal-Prim Ministru f’ġieħ l-interess nazzjonali, kemm meta mistoqsi dwar l-elezzjoni ġenerali u anki fl-indirizz meqjus li għamel fil-konferenza tal-COP 26 fi Glasgow dwar it-tibdil fil-klima.
“Tieħu nifs tara l-Prim Ministru ta’ pajjiżek ma jaqax fi t-tentazzjoni tal-logħba politika partiġġjana għax meta qed nirkupraw minn waħda mill-ikbar kriżijiet li ffaċjat id-dinja, il-pandemija u qed niġġieldu kriżi oħra, il-bidla fi l-klima ftit li xejn se ntejbu s-sitwazzjoni bir-retorika partiġġjana”, saħqet il-gazzetta.
Dan wara diskors b’ton konfrontattiv u tonalità dispreġjattiva minn Bernard Grech.