L-editorjal tal-gazzetta MaltaToday kompla mal-ħsieb li għaddiet il-Kamra tal-Kummerċ biex ma jsirx tfixkil u ħsara biex Malta tikseb fondi Ewropej għall-proġett tal-pipeline tal-gass.
L-editur tal-MaltaToday kiteb hekk fl-istess ġimgħa li l-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli saħqet li jekk il-pipeline tal-gass, li minnu eventwalment hemm il-ħsieb li jgħaddi l-idroġenu, ma jimmaterjalizzax, Malta tibqa’ marbuta ma’ użu ta’ sorsi oħra li jħammġu iżjed l-ambjent.
Malta fil-fatt kisbet deroga mill-Unjoni Ewropea biex il-proġett tal-pipeline propost mill-Gvern Malti jkun rikonoxxut bħala proġett ta’ interess komuni għall-Ewropa.
L-editur tal-MaltaToday innota kif l-istqarrija tal-Kamra tal-Kummerċ appellat għall-interess nazzjonali qabel il-partiġjaniżmu politiku.
L-istqarrija mill-Kamra tal-Kummerċ ħarġet wara li Matthew Caruana Galizia kritika l-pjan li l-Unjoni Ewropea tiffinanzja l-proġett tal-pipeline tal-gass ta’ Malta.
Ma’ Matthew Caruana Galizia kompla jrewwaħ il-Partit Nazzjonalista, hekk il-partit ta’ Bernard Grech attakka l-proġett tal-powerstation tal-gass.
Powerstation li tiġġenera l-elettriku b’enerġija ferm iżjed nadifa minn dak li kien jintuża fi żmien GonziPN, il-heavy fuel oil.
L-editur tal-MaltaToday wkoll innota l-attakk tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista fuq proġett ta’ fejda.
Il-MaltaToday innutat ukoll il-pjanijiet ta’ Malta li huma konformi ma’ dawk tal-Unjoni Ewropea, li sal-elfejn u ħamsin, pajjiżna jkun ħieles mill-karbonju.
Hawnhekk l-editur tal-gazzetta nnota wkoll li l-Gvern lest li jerfa’ l-piż taż-żieda fil-prezz tal-enerġija li ġej minn barra u b’hekk Malta ma jiġriliex bħall-ġirien Ewropej, fejn iċ-ċittadini ta’ stati membri oħra raw żieda qawwija f’daqqa fil-prezzijiet tal-enerġija.
Għall-kuntrarju tal-pajjiżi Ewropej oħra, Malta żammet prezz stabbli fil-qasam tal-enerġija.
Xi ħaġa li l-Kap tal-Oppożizzjoni deher ċar li ma jagħmilx jekk ikun Prim Ministru, meta kien ikkonferma li la l-affarijiet jogħlew minn barra, il-piż u x-xokk tal-prezz għoli jitfgħu fuq iċ-ċittadin.