Il-Qorti,ippreseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale, ikkundannat lill-Aleander Balzan, eks editur ta’ inewsmalta.com biex iħallas €3,000 ewro f’danni lill-eks President tal-Partit Nazzjonalista, Victor Scerri. Dan b’rabta ma’ kumment ta’ qarrej li deher ma’ artiklu dwar il-villa li kien bena Scerri fil-Baħrija f’żona ODZ u ta’ importanza ekoloġika kbira.
Filwaqt li l-artiklu kien fattwalment korrett, il-qorti nnotat kif kumment ta’ ċertu ‘Gino’ li rrefera għal Scerri bħala maħmuġ kien libelluż
“Taf tistħi Vitor Xerri???? Basta joħodha kontra min jipparkja ħażin fit-tribunal u jakkwista l flus min hemm ukoll… imisskhom tistħu tal-pn b’nies bħal dan madwarkhom. Nistenna lil dr Simon Busuttil, jekk hu raġel, li jikkunanna dan il ħmieġ. Ex pn activist.”
Filwaqt li rrikonoxxa li l-kumment seta’ ma kienx feliċi, fix-xhieda tiegħu Balzan qal li f’dak il-perjodu l-aġir ta’ Scerri kien ikkritikat ħafna u l-kelma maħmuġ kienet interpretata f’sens wiesgħa tal-aġir tiegħu. Peró l-qorti tenniet li deher ċar li l-kumment kien marbut max-xogħol fit-tribunal.