Editorjal tal-gazzetta ‘The Malta Independent’ bit-titlu ‘Paying for Insults’ innota l-aġir tal-esponent tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, Godfrey Leone Ganado.
Dan wara li hu u Rachel Williams, li kienet tal-Occupy Justice spiċċaw jittallbu biex iħallsu d-danni li ġew ordnati jħallsu wara li nżammu responsabbli għal kliem dispreġjattiv li sar fil-konfront tas-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar.
Kien ONE News li żvela kif ċertu wieħed Frank Piscopo organizza crowd funding biex Leone Ganado u Rachel Williams iħallsu għad-danni talli wettqu abbuż verbali fuq is-Segretarju Parlamentari.
F’din il-crowd funding, li ssegwi waħda li kien għamel Bernard Grech fil-kampanja għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, kien hemm mira li jinġabru mat-tlett elef u sitt mitt ewro.
Dan anki jekk fl-informazzjoni li ngħatat mill-organizzatur tal-crowd funding intqal li Williams u Ganado weħlu ħames mitt ewro kull wieħed, Ganado weħel waħdu tliet mitt ewro oħra u l-ispejjeż legali u tal-Qorti huma ta’ madwar elfejn ewro.
B’hekk il-mira ffissata tas-somma flus kienet iktar minn dak li Ganado u Williams huma dovuti li jħallsu.
Ta’ min jinnota wkoll li wara li Ganado u Williams inżammu responsabbli li offendew mara billi għajruha “prostitutes and call girls”, l-organizzaturi tal-crowd funding qalu li l-flus se jmorru għal ‘Dar Merħba Bik’, għaliex din hija għaqda li tagħraf id-dinjità tal-mara.
Din hija xi ħaġa li nnota l-editur tal-gazzetta indipendenti li qal li huwa ironiku li qed isir dan wara li d-dinjità ta’ Rosianne Cutajar ġiet vilifikata.
L-editur tal-Independent fisser l-idea tal-ġabra għal Ganado fost oħrajn, bħala waħda biżarra u fakkar li hu u Williams ma weħlux xi tmien mitt elf ewro iżda tmien mitt ewro.
Qal li Qrati jagħmlu sew li jikkundannaw nies li jużaw il-midja soċjali b’mod irresponsabbli.