Il-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista ta’ Bernard Grech fid-dibattitu fil-Parlament dwar l-emendi maħsubin biex itejbu l-liġi tal-IVF, turi li l-Partit Nazzjonalista għadu jħaddan l-istess pożizzjonijiet li kellu fil-passat.
Innota dan l-editorjal tal-gazzetta MaltaToday tal-Ħadd, li sejjaħ is-sitwazzjoni bħala “deja-vu”. L-editorjal fakkar kif il-Partit Nazzjonalista anki f’okkażjonijiet oħra kien oppona żviluppi relatati mal-IVF.
Fl-editorjal intqal kif il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista hija l-istess bħal meta kien oġġezzjona għall-IVF fil-prinċipju.
L-editorjal fakkar kif l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi kien żamm lura milli tibda d-diskussjoni dwar dan is-suġġett u li, taħt it-tmexxija ta’ Adrian Delia, il-Partit Nazzjonalista oppona r-riforma fl-2018.
L-istess editorjal fakkar kif dawn l-emendi fil-liġi tal-IVF tressqu fil-Parlament mill-Prim Ministru Robert Abela wara li l-Gvern ingħata mandat sabiex, bis-saħħa tax-xjenza, aktar nies ikollhom l-opportunità li jsiru ġenituri.
Fil-frattemp, fl-istess gazzetta, f’artiklu ta’ opinjoni li kiteb fl-istess gazzetta, Saviour Balzan ikkummenta li meta intervista lill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech fuq il-programm Xtra fuq l-istazzjon nazzjonali dan l-aħħar, irrealizza li Bernard Grech m’għandux viżjoni.
Balzan żied jgħid li, waqt dan il-programm, Bernard Grech ma kellux opinjoni dwar dan is-suġġett importanti.
Saviour Balzan kiteb ukoll li Bernard Grech, anki f’din l-intervista, għal darba oħra waħħal f’kulħadd minbarra fih innifsu, dwar l-akbar telfa elettorali li ġarrab il-Partit Nazzjonalista.
Saviour Balzan innota li l-partit ta’ Bernard Grech għadu ddominat mill-konservattivi, bħalma kien il-każ fir-rigward tad-drittijiet ċivili, il-kannabis, u d-divorzju, fost oħrajn.