Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia għandu jimxi bil-kejl tiegħu stess u jissosspendi lilu nnifsu mit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Iddikjarat dan il-gazzetta Times of Malta fl-editorjal tagħha tal-Ġimgħa intitolat A Leader must lead by example.
Bi kliem ċar il-gazzetta saħqet li Adrian Delia għandu jwarrab ukoll mill-politika sakemm tiġi konkluża l-investigazzjoni tal-Pulizija dwar l-allegat każ ta’ ħasil ta’ flus minn ċirku ta’ prostituzzjoni f’Londra.
Kienet l-istess gazzetta l-Ħadd li għadda li żvelat li Delia jinsab fil-qalba ta’ investigazzjoni mill-Pulizija li bdiet f’Marzu li għadda. Dan wara akkużi serji li kienet għamlet kontrih bil-blogger Daphne Caruana Galizia.
L-editorjal sostna li issa li jaf bl-investigazzjoni fil-konfront tiegħu, Adrian Delia m’għandu l-ebda għażla ħlief jissospendi lilu nnifsu mill-Partit Nazzjonalista u saħansitra mill-politika. Dan bil-kejl li fassal huwa stess fil-konfront ta’ ħaddieħor. Azzjoni li ma’ ONE NEWS diġà stqarr li mhux se jagħmel.
L-editorjal qal li jekk din mhux raġuni biżżejjed, Delia għandu jħares lura għal kif mexa fis-sajf li għadda meta ġiet ippubblikata tal-inkjesta Egrant li xejnet għalkollox l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tal-Prim Ministru Joseph Muscat u l-familja tiegħu.
It-Times li dejjem kienet ta’ appoġġ għall-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista, fakkret lill-kap attwali li dakinhar talab lill-predeċessur tiegħu Simon Busuttil biex jerfa r-responsabbilità politika u jissospendi lilu nnifsu mill-grupp parlamentari.
Għalkemm il-gazzetta saħqet li dakinhar kien hemm konklużjoni ta’ inkjesta u llum hemm investigazzjoni li għadha għaddejja, il-gazzetta qalet li l-allegazzjonijiet li jorbtu lil Delia ma’ ċirku ta’ prostituzzjoni f’Soho jpoġġu f’dell ikrah lilu, lill-Partit tiegħu u lill-Oppożizzjoni kollha, li llum qalet hija magħmula wkoll minn partit ieħor li qed jitlob għar-riżenja tiegħu.
Huwa għalhekk li Delia għandu jimxi bil-kejl tiegħu stess u jwarrab mill-politika sakemm tintemm din l-investigazzjoni, temm jgħid l-editorjal.