L-editorjal tal-gazzetta L-Orizzont tat-Tnejn innota kif il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech baqa’ sieket dwar il-każ li seħħ fil-Każin tal-Partit fil-Ħamrun, waqt il-marċ ta’ San Gejtanu, minkejja li għaddiet aktar minn ġimgħa minn dan il-każ.
Dan meta kanvażer tiegħu ġie ferut serjament u kellu jagħmel operazzjoni maġġuri f’saqajh il-leminija, wara li mar jinsisti li l-Kap Nazzjonalista kellu dritt jidħol fil-każin. Ftit qabel, Bernard Grech ma tħalliex jidħol fil-każin tiegħu stess.
Il-fehma ta’ din il-gazzetta, bit-titlu “Jissokta s-silenzju mill-Kap tal-Oppożizzjoni”, qalet li dan seħħ “minkejja li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista għamel diversi ġimgħat ferm attiv fuq il-midja tal-partit tiegħu fejn beda jikkarga sew b’dik li, skontu, kienet tħejjija ppjanata u bil-għaqal biex b’partit magħqud warajh imur għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew is-sena li ġejja. Għall-ewwel darba wara diversi ġimgħat Grech għażel li ma jitkellimx u jibqa’ sieket.”
Hawnhekk issemma li wara l-każ ta’ Jean Paul Sofia, il-Kap Nazzjonalista kien qed jiġi intervistat kull nhar ta’ Ħadd, iżda l-ġimgħa l-oħra, Grech “ma kienx komdu jitkellem man-nies.”
L-Editur tal-gazzetta jemmen li waħda mill-akbar problemi tal-Partit Nazzjonalista u l-midja tiegħu hi l-imġieba fqira tagħhom man-nies tal-partit. Dan hekk kif sa ftit tal-ġimgħat ilu kienet enfasizzaw fuq “aħbar” suppost esklussiva li l-Prim Ministru kien ħarab mill-pajjiż. Iżda hawnhekk ġie nnotat, kif innotaw diversi persuni, li Dr Abela bħal kull persuna oħra kellu dritt li jieħu xi jiem ta’ mistrieħ.
Kif tenna wkoll fl-aħħar jiem, l-editorjal reġa’ nnota kif is-skiet mill-Kap Nazzjonalista jikkonferma biss “d-dgħufija tiegħu” fit-tmexxija.
Dan is-skiet minn Bernard Grech hu rifless ukoll mill-midja tal-partit tiegħu, hekk kif ma rrapporta xejn dwar dak li ġara fil-Każin tal-Ħamrun. Il-Partit Nazzjonalista wkoll ħa ħamest ijiem, wara din l-umiljazzjoni tal-Kap, biex ħareġ stqarrija xotta ta’ linja waħda kollox biex jgħid li l-Każin f’din il-lokalità kien se jingħalaq b’mod temporanju.
L-Orizzont sostniet ukoll li “Bernard Grech għadu ma tgħallem xejn, minkejja politika ta’ firda” li ratu jieħu l-akbar telfa elettorali f’Marzu tas-sena l-oħra.
Fissret ukoll id-differenza li hemm bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista. Dan hekk kif ġie sostnut li “qalb din il-ġlieda interna fil-Partit Nazzjonalista, il-Gvern immexxi minn Robert Abela għadu għaddej jieħu d-deċiżjonijiet.”
Issemma kif il-Ħadd, Dr Abela ħabbar li se jkun qiegħed iwettaq wegħda elettorali oħra, dik li se jidħlu inċentivi biex membri ta’ forzi dixxiplinati jibqgħu jservu wara 25 sena servizz.