L-editorjal tal-gazzetta L-Orizzont, fil-ħarġa tal-Erbgħa, innota li mal-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech ħadd ma jaf fejn hu qiegħed. Dan hekk kif innota li l-mudell ekonomiku mħaddan minn Gvern Laburista qiegħed iservi tajjeb lill-pajjiż.
Intqal li, għal żmien twil, taħt Gvern Nazzjonalista, pajjiżna għamel snin twal ibati minn nuqqas ta’ ħaddiema b’ħiliet għolja.
Fattur ieħor, imsemmi f’dan l-editorjal, hu li bħal kważi l-pajjiżi kollha Ewropej, il-popolazzjoni ta’ pajjiżna qed tixjieħ b’rabta mgħaġġla. Dan anke minħabba li aktar persuni qed jgħixu aktar, waqt li r-rata tal-fertilità naqset sew, meta mqabbel ma’ qabel.
Hawnhekk intqal li “Gvern Laburista, għax konxju ta’ dawn ir-realtajiet u għax ma setax iħalli li investiment f’teknoloġija avvanzata ma jiġix lejn pajjiżna, minħabba nuqqas ta’ ħaddiema kwalifikati, ma kellux triq oħra għajr li jinġiebu ħaddiema barranin biex jimlew setturi fejn ħaddiema Maltin ma kienx hemm biżżejjed.”
Il-fehma ta’ din il-gazzetta nnotat ukoll li kull mudell ekonomiku jevolvi u jiġi aġġornat. “X’fiha ħażin li mudell ekonomiku li jkun serva tajjeb matul is-snin, jinbidel meta l-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali jkunu nbidlu u ma baqgħux li kienu sa ftit tas-snin qabel.”
Iżda hawnhekk, l-editorjal sostna wkoll li kritika bl-addoċċ ma tagħmel ġid lil ħadd, b’ta’ quddiem dik ġejja mill-Partit Nazzjonalista.
Intqal li l-Partit ta’ Bernard Grech “bl-aktar mod inkonsistenti, filli jattakka lill-Gvern, għax skont hu l-ekonomija nbniet fuq iż-żieda fil-popolazzjoni u filli jgħajjar lill-Gvern b’u-turn jekk jaġġorna l-mudell ekonomiku tal-lum. Turija ċara li mal-Partit Nazzjonalista ħadd ma jaf fejn hu.”
L-editorjal tenna li jemmen li dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela hu tajjeb, li issa hu l-mument li pajjiżna jgħaddi biex jiffoka fuq il-kwalità u mhux il-kwantità.
B’dan ifisser li pajjiżna se jkompli jħares lejn impjiegi ta’ kwalità li jġibu magħhom pagi u kundizzjonijiet xierqa u mhux sfruttament.