L-editorjal tal-gazzetta The Times tal-Ġimgħa akkuża lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia b’arroganza.
Dan wara li fl-aħħar jiem, il-Partit immexxi minnu talab lil The Sunday Times biex tiddikjara li s-sorsi tagħha dwar il-fatt li Delia qiegħed jiġi investigat b’rabta ma’ każ gravi ta’ ħasil ta’ flus li ġejjin minn ċirku ta’ prostituzzjoni ma kinux ġejjin minn Kastilja.
Taħt it-titlu, Requiem to freedom of expression, qal li waqt li l-Partit Nazzjonalista qed jgħid li jrid jiġġieled il-korruzzjoni fil-pajjiż, iħares is-saltna tad-dritt u jissielet għal-libertà tal-espressjoni, fl-istess ħin qiegħed joħroġ jattakka lill-midja indipendenti għax tikteb dwar il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
L-editorjal qal li l-gazzetta The Sunday Times spiċċat fil-mira tal-Partit Nazzjonalista wara li rrappurtat aħbar li l-puliizja kienu qegħdin jinvestigaw rapport tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-ħasil tal-flus, l-FIAU, dwar ħasil ta’ flus li ġejjin mill-prostituzzjoni f’Soho u li fih kien involut Delia fil-kapaċità tiegħu ta’ avukat.
Il-ġurnal qal li meta Delia kien mistoqsi dwar din l-investigazzjoni, huwa qal li ma kienx jaf b’din l-investigazzjoni.
L-editorjal innota l-kejl differenti li juża l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia dwar l-istejjer li jiġu rrapportati fil-midja.
Innota kif dakinhar li ġiet rapportata l-aħbar dwar l-investigazzjoni li jinsab involut fiha, il-Partit Nazzjonalista akkuża lil The Sunday Times bi spin u spekulazzjoni, iżda għamel tiegħu storja fl-istess gazzetta tant li spiċċa sejjaħ għar-riżenja ta’ uffiċjali tal-Gvern.
Il-gazzetta għamlet referenza wkoll għal editorjal ieħor li għamel referenza għall-investigazzjoni ta’ Delia u qal li dan ukoll ma niżel tajjeb xejn mal-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
“Il-partit ta’ Dr Delia b’mod mill-aktar arroganti qiegħed jistenna li l-gazzetta tiddikjara li l-informazzjoni dwar l-investigazzjoni fuq iċ-ċirku ta’ prostituzzoni f’Londra ma ħarġitx minn Kastilja”, qal l-editorjal.
Żied li l-Partit Nazzjonalista qed jinsisti wkoll li r-rapport kien biss storja vvintata minn kastilja, u li l-gazzetta waqgħet għaliha.
Evidentament, qalet il-gazzetta, għall-Partit Nazzjonalista, il-midja indipendenti tagħmel xogħolha tajjeb biss meta tattakka lill-Gvern u mhux meta tirrapportata dwar dak li jiġri fi Triq id-Duluri f’Tal-Pietà!