L-Editorjal ta’ The Malta Independent tal-Ġimgħa ta ħasla lill-eks kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u lid-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi għall-għemil tagħhom fil-Parlament u barra din il-ġimgħa.
L-editorjal sostna li mhix kumbinazzjoni u lanqas sopriża li bl-attitudni tagħhom Busuttil u Azzopardi mbarazzaw lill-partit tagħhom stess. Waqt li jfakkar li taħt it-tmexxija ta’ Busuttil, il-PN għamel l-ikbar telfa elettorali fl-istorja tiegħu, qal li dawn iż-żewġ deputati kienu l-aktar tnejn li opponew it-tmexxija ta’ Delia kemm qabel u aktar wara li ħa tmun tal-partit.
L-editorjal esprima l-qbil tiegħu mad-deċiżjonijiet li ħa din il-ġimgħa l-Ispeaker Anġlu Farrugia meta ċċensura liż-żewġ deputati għal għemilhom fil-Parlament. Qal li Busuttil kellu jirtira kliemu fil-konfront tal-Prim Ministru Joseph Muscat meta allega li nieda l-inkjesta dwar Egrant meta aċċerta lilu nnifsu li sparixxiet l-evidenza kollha.
L-editorjal irrerfera wkoll għall-ksur ta’ privileġġ fil-konfront tal-Minsitru Chris Cardona minn Jason Azzopardi meta fi tweet allega li għandu rabtiet mad-dinja kriminali. Qal li f’dan il-każ, Azzopardi għażel li jippersisti bil-pożizzjoni tiegħu meta stqarr li se jappella u invoka d-dritt tal-espressjoni.
Qal li ironikament dan seħħ fl-istess ġimgħa li Azzopardi kkritika rapport fil-ġurnal dwar il-Ministru Cardona billi stqarr li l-istorja kienet iffabbrikata. Dan għas-sempliċi fatt li ma kinitx taqbel man-narrattiva li nħolqot kontra l-istess ministru.
L-editorjal sostna li dawn iż-żewġ każijiet u oħrajn qed iwasslu għal qasma ikbar fil-partit nazzjonalista waqt li l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia jinsab kważi iżolat minkejja l-isforzi biex jgħaqqad lill-partit.
Irrefera għat-tneħħija tal-kuruna tal-fjuri li Delia poġġa quddiem it-tifkira ta’ Caruana Galizia fil-belt u qal li dan kien messaġġ ċar biex iżomm ‘il bogħod. Qal li ħadd mill-ornaizzaturi ma ħareġ jikkundanna dan il-ġest waqt li rrimarka li Busuttil u Azzopardi jkunu minn ta’ quddiem f’dawn l-attivitajiet.
L-editorjal temm jgħid li Delia għandu quddiemu muntanja x’jitla’ biex joħroġ lill-Partit Nazzjonalista mill-konfużjoni li jinsab fiha. Madankollu qal li miraklu jrid ikun biex isir dan b’tant għedewwa li għandu fil-partit tiegħu stess.