“Eċitat ħafna li, wara tliet snin, se nerġgħu niċċelebraw il-festa ta’ St Patrick’s Day.”
Dan qalu f’intervista ma’ ONE News id-DJ żagħżugħ, Isaak Koroma, li se jkun wieħed mid-DJs li se jdoqqu f’San Ġiljan il-Ġimgħa 17 ta’ Marzu, f’jum San Patrizju.
“Wara tliet snin, fl-aħħar nistgħu mmorru full-scale għal dan l-avveniment. Illum tista’ tgħid, prattikament, St Patrick’s saret parti mill-kalendarju Malti tal-attivitajiet. Eċitat ħafna, jiġifieri wara dan in-nuqqas kulħadd ikun entużjast u qed naħdmu u nippreparaw ħafna biex kemm jista’ jkun il-prodott finali jkun tajjeb ħafna u n-nies jiġu u jieħdu gost.”
Isaak Koroma appella biex dawk li se jiċċelebraw din il-festa, jieħu gost b’mod responsabbli.
“Min-naħa tiegħi nisħaq li, ovvjament, ejja nieħdu gost, imma nieħdu gost b’mod responsabbli. Jekk se tixrob ma ssuqx. Anki jekk tarmi xi ħaġa, li kemm jista’ jkun tkun responsabbli, mhux narmu kif ġie ġie. Fil-verità, kulħadd jixtieq jieħu gost. Ejja naraw li ma nweġġgħux lil xulxin, nieħdu ħsieb lil xulxin, anzi. Fl-aħħar mill-aħħar, ċert li se jkollna St Patricks day mill-aqwa.”
F’dan il-jum tant mistenni minn bosta, it-temp mistenni jkun sabiħ u b’hekk f’San Ġiljan mistenni jilqa’ eluf ta’ nies sabiex jiċċelebraw Jum San Patrizju b’xi flixkun birra jew tnejn bejn il-ħbieb.
Ritratt ta’ barra: Tigullio