Fl-aħħar għaxar snin, Malta esperjenzat żieda ta’ 64% fl-għadd ta’ mpjegati b’għarfien b’saħħtu, li jagħmilna fost l-aktar pajjiżi li kibru b’rata mgħaġġla fl-Ewropa kollha f’kompetizzjoni qalila bejn numru ta’ pajjiżi oħrajn li jipprovaw jattira l-aħjar imħuħ lejn l-ekonomiji rispettivi tagħhom.
F’indiċi ppubblikat mill-European Centre for Entrepreneurship and Policy Reform, l-ECEPR, b’appoġġ minn Nordic Capital, b’analiżi tal-miżuri meħudin minn 33 pajjiż fl-Ewropa kollha, Malta tikklassifika mal-aqwa pajjiżi.
Partikolarment fl-aħħar għaxar snin, pajjiżna rnexxielu jattira investimenti kbar fil-manifattura high-tech b’enfażi fuq teknoloġiji bħal semiconductors fejn huma mpjegati ftit inqas minn 3,000 ħaddiem.
Il-kap tal-ECEPR, Nima Sanandaji, tenna li l-impjiegi t’għarfien b’saħħtu qed jikbru b’mod partikolari fin-Nofsinhar u l-Lvant tal-Ewropa, fejn qed jiġu offruti impjiegi ta’ valur għoli flimkien ma’ vantaġġi fil-ħlas tat-taxxi u aċċess għal workforce żagħżugħa u bl-akbar ħiliet.
Fil-fatt mill-istess indiċi joħroġ li l-Ewropa qed isir aktar iffokata fuq ekonomija bbażata fuq l-għarfien, b’ħaddiema li jiċċaqilqu lejn pajjiżi li qed joffru kompetizzjoni qawwija, b’Malta indikata, flimkien mal-Irlanda u l-Olanda, għat-tkabbir mgħaġġel tagħhom.
F’dan ir-rigward, it-tabella għal pajjiżna fl-indiċi tindika kif naqbżu l-medja Ewropea fil-manifattura high-tech, ir-riċerka tar-reklamar u l-marketing, fil-management, fit-telekomunikazzjoni, fil-farmaċewtika u fid-design u l-kreattività, fost l-oħrajn.