Il-Grupp Filateliku taż-Żejtun se jkun qed itella’ s-16-il edizzjoni tal-wirja annwali tal-filatelija, din is-sena bit-titlu ‘Ecclesia Sanctorum – il-Wirt Reliġjuż fuq il-Bolol u Aktar’. Din il-wirja filatelika bit-tema tar-reliġjon se tkun miftuħa bejn nhar il-Ħamis 27 u l-Ħadd 30 ta’ Settembru, 2018, fis-Sala Ġużeppina Curmi (taħt l-Istitut Ġesù Nazzarenu), Triq l-Isqof Emm. Galea, iż-Żejtun. Din se tkun miftuħa wkoll waqt l-attività Żejt iż-Żejtun.
Il-pubbliku f’din il-wirja permezz tal-filatelija se jkun jista’ jara avvenimenti storiċi tar-reliġjon Kattolika fosthom tal-Milied u l-Ġimgħa Mqaddsa, muniti, kartolini ta’ qaddisin varji, u ħafna aktar. Bolol rari li se jqajmu diversi interess fost dawk li qed jkunu qed jattendu.
Matul din il-wirja diversi filatelistiċi li se jkunu qed idawwru lill-pubbliku madwar il-wirja u jagħtuhom spegazzjoni dwarhom. It-tfal kollha li se jkunu qed iżuru din il-wirja se jagħmlu xi ħaġa interessanti, li din il-ħaġa mbagħad se jkunu jistgħu joħduha magħhom. Barra minn hekk, se tkun qed titqassam il-gazzetta The Melite Post bla ħlas. Id-dħul għall-wirja huwa bla ħlas ukoll.
Il-filatelija dejjem kienet għal qalb iż-Żejtun, hekk kif l-istorja tal-filatelija tmur lura għall-bidu tas-seklu għoxrin, fejn l-ewwel għaqda filatelika f’Malta, il-Malta Philatelic Society’, kienet topera minn 20, Triq Sant’ Emidju, iż-Żejtun.
Din il-wirja qed tiġi mtella’ mill-Grupp Filateliku taż-Żejtun, grupp fi ħdan il-Kunsill Lokali taż-Żejtun, li twaqqaf fl-2002, minn Żwieten li kienu iż-Żejtun jġemmgħu l-filatelija. Għal kull laqgħa jattendi kelliem biex jitkellem dwar l-aspetti storiċi ta’ pajjiżna u lil hinn, li jkunu deheru fuq il-bolol. Kulħadd jista’ jingħaqad f’dan il-grupp, il-laqgħa u s-sħubija huma mingħajr ħlas.
Il-pubbliku hu mistieden għall-ftuħ uffiċjali li se jsir nhar il-Ħamis, 27 ta’ Settembru, fis-7.00 p.m.
Għal aktar informazzjoni ċempel fuq 2166 3866 jew ibgħat posta elettronika fuq chircop.sean@gmail.com.