Donald Tusk – President tal-Kunsill Ewropew
“Grazzi Joseph, lilek u lit-tim tiegħek għal Presidenza effiċjenti ħafna. Napprezza l-ħidma kbira tiegħek, emminni din kienet waħda mill-aqwa esperjenza fil-ħajja professjonali tiegħi. Grazzi tal-ħidma tagħkom fin-negozjati ta’ Brexit, fix-xogħol li sar b’rabta mas-sigurtà interna u l-migrazzjoni kif ukoll it-tmiem tat-tarriffi roaming. Ħaqqek it-tifħir kollu li qed tirċievi.”
Jean Claude Juncker – President tal-Kummissjoni Ewropea
“Din kienet Presidenza eċċellenti, l-ewwel darba li fit-tmun tagħha kien hemm Malta u l-ħidma saret minn Joseph Muscat u l-Ministri kienet impressjonanti u eċċellenti. Grazzi Joseph.”
Dawn kienu l-kummenti li taw Jean-Claude Juncker u Donald Tusk f’konferenza stampa flimkien mal-Prim Ministru Malti Joseph Muscat fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill Ewropew taħt il-Presidenza Maltija. Kummenti pożittivi u ta’ ġieħ mhux biss għal Prim Ministru Joseph Muscat iżda ukoll għall-ħidma li ġiet konkluża tul il-Presidenza Maltija.
Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru ta elenku ta’ l-aktar kisbiet sinifikanti tul dawn is-sitt xhur tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Fosthom fejn tidħol l-evażjoni tat-taxxa, l-immigrazzjoni, s-suq diġitali u s-suq intern. Huwa rringrazzja liż-żewġ Presidenti għall-kollaborazzjoni fantastika tagħhom tul dawn l-aħħar sitt xhur.
Tul din is-sessjoni tal-Kunsill Ewropew, li jiġbor madwar il-mejda, il-mexxejja kollha tal-pajjiżi membri ġew approvati numru ta’ inizjattivi li se jkunu qed iwasslu għal koperazzjoni akbar fejn tidħol difiża, tibdil fil-klima, s-suq ħieles u l-immigrazzjoni.
Fil-fatt tul din is-sessjoni ġew approvati 12-il paġna ta’ konklużjonijiet li dwarhom il-mexxejja Ewropej kienu pożittivi minkejja d-dell ta’ BREXIT.
[pdf-embedder url=”http://www.one.com.mt/wp-content/uploads/2017/06/22-23-euco-final-conclusions.pdf”]
Il-mexxejja Ewropej qablu ukoll li sanzjonijiet ekonomiċi kontra r-Russja jibqgħu fis-seħħ għas-sitt xhur li ġejjin u approvaw ukoll proċedura kompettitiva biex tiġi relokata l-aġenzija Ewropea tal-mediċini u l-Awtorità Bankarja Ewropea minn Londra.