Il-kumpanija lokali eCabs se tkun qed tvara l-pjattaforma teknoloġika tagħha f’żewġt ibliet Ewropej. Fil-fatt, wara investiment li laħħaq is-tmintax-il miljun ewro, il-kumpanija nediet pjattaforma li issa se tibda tintuża wkoll barra minn xtutna f’Berlin, il-Ġermanja, u fi Bristol fir-Renju Unit.
Din il-pjattaforma mistennija tkun ta’ sostenn għal ħafna operaturi tat-taxis barranin li, minkejja l-avvanzi teknoloġiċi, għadhom iserrħu fuq it-telefown jew mezzi oħrajn, fix-xogħol.

Dwar dan l-investment, spjega l-Kap Eżekuttiv tal-eCabs, Mattehew Bezzina.
“Ħa nkunu qed nagħtu operaturi bħalna f’Malta, l-opportunità li jikkompetu ma’ pjattaformi kbar barranin. Għad għandek eluf ta’ operaturi madwar id-dinja kollha, li għadhom fl-istess sitwazzjoni li eCabs kienet fl-2010 fejn konna niddependu fuq it-telefown u l-karti. Aħna qed ngħidulhom li nistgħu ngħinukom fit-transizzjoni diġitali. U għalfejn nistgħu ngħinukom? Għax aħna għaddejna minn dak il-proċess.”
Matthew Bezzina, Kap Eżekuttiv, Ecabs
Dan se jkun qed ifisser li dawn l-operaturi jkunu jistgħu jikkompetu ma’ kumpaniji ferm akbar minnhom bi prezzijiet kompettivi u sostenibbli għalihom.
Din il-pjattaforma diġà qed titħaddem f’Ateni, fil-Greċja, u f’Bucharest, ir-Rumanija.

Din it-tħabbira saret fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela, li żar ukoll l-uffiċini minn fejn qed tiġi żviluppata din it-teknoloġija, f’post ġdid, li beda jintuża ftit tax-xhur ilu.
Fil-fatt, il-Kap Eżekuttiv tal-eCabs innota wkoll kif dan l-investiment u x-xogħol, li twettaq il-kumpanija tiegħu, wassal biex jikkontribwixxu għall-Viżjoni Malta 2050.
“Il-Viżjoni 2050 hi viżjoni importanti li, nemmen, li jekk kulħadd jiġi fuq l-istess paġna, il-pajjiż veru jista’ jkun pajjiż ta’ kwalità. Meta inti jkollok industriji li jinvestu fit-teknoloġija awtomatikament il-valur miżjud hu ħafna aktar. Meta jkollok ħafna aktar valur miżjud ovvjament ħa jgawdi l-pajjiż kollu.”
Matthew Bezzina, Kap Eżekuttiv, Ecabs
Fuq l-istess linja tal-ħsieb ikkummenta l-Prim Ministru li, filwaqt li faħħar dan l-investiment partikolari, sostna kif dan jimxi id f’id ma’ dak li jixtieq il-Gvern, partikolarment il-qalba diġitali li wkoll hi punt kruċjali għall-Viżjoni Malta 2050, flimkien mas-settur tat-trasport.
“Meta tara l-fiduċja li investituri, bħal dawk li tħadditna dwarhom illum f’dan il-pajjiż, hi xi ħaġa li timmeraviljani. Hi fiduċja li mhijiex ġejja fl-arja, imma t-tkabbir ekonomiku ta’ sitt darbiet akbar mill-medja Ewropea proprju jitwieled minn din il-fiduċja li l-investituri lokali u barranin għandhom f’pajjiżna u l-fiduċja li dan il-pajjiż jagħti lil min jagħżel li jinvesti f’pajjiżna.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela