Is-Segretarju Parlametari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia nedew l-inizjattiva e-Biznify, programm ta’ taħriġ akkreditat li jispeċjalizza fl-e-Commerce permezz ta’ pjattaforma tal-e-learning.
“e-Commerce qed ikompli jiffjorixxi. Qed ibiddel b’mod radikali l-mod ta’ kif qed jiżviluppa n-negozju. Ħafna konsumaturi jfittxu li jsibu prodotti favoriti tagħhom awtomatikament. Il-gvern jikkunsidra l-e-Commerce bħala l-punt li se jbiddel il-mod kif joperaw kumpaniji żgħar sabiex jadattaw għaż-żmien diġitali billi jibdew iħaddnu teknoloġiji ġodda sabiex il-kompetittività tagħhom tissaħħaħ kuljum f’suq globali. Il-programm ta’ taħriġ e-Biznify e-Commerce hija opportunità ideali għall-parteċipanti biex jiffamiljarizzaw ma’ sistemi assoċjati ma’ e-Commerce”, qal is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia saħaq li ninsabu fix-xifer ta’ rivoluzzjoni teknoloġika, ir-raba’ rivoluzzjoni industrijali, fejn in-negozju qiegħed jimxi iżjed għal operazzjonijiet b’forma diġitali. “Bl-iżvilupp ekonomiku u teknoloġiku mgħaġġel li qed isir madwar id-dinja, mhux diffiċli tara kif l-avvanzi fit-teknoloġija qed iwasslu għall-awtomatizzazzjoni tal-futur tagħna”, innota is-Segretarju Parlamentari.
“Aħna ngħarfu li l-intrapriżi żgħar u medji ħafna drabi jsibuha diffiċli biex jaddottaw żviluppi ġodda fis-settur tal-ICT, u għaldaqstant il-fondi Ewropej qegħdin hemm biex jgħinuhom, jgħinu l-kummerċ elettroniku transkonfinali u l-kompetittività tal-SMEs, imma mhux hekk biss, soluzzjonijiet ta’ pjattaforma diġitali jippermettu li n-negozji li jlaqqgħu l-provvista mad-domanda b’aktar effiċjenza, li mbagħad ser iwassal biex l-SMEs itejjbu l-proċess ta’ skoperta tal-prezzijiet u aċċess għal sors ikbar ta’ provvisti. Din tgħin ukoll biex jiġi mtejjeb l-insegwiment tal-inventarju u jiġu ġġeneratidashboards analitiċi tad-data tal-bejgħ. Huwa għalhekk li rrid nirringrazzja lill-Malta Communications Authority li fittxet fondi mill-UE biex tgħina nilħqu dawn il-miri. Illum il-proġett li qed jiġi imniedi, l-E-commerce training programme, jiswa €321,000, u ser iħarreġ 200 persuna mis-settur tan-negozju”, ikkonkluda Aaron Farrugia.
Il-kors huwa akkreditat mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla u se jingħata b’xejn permezz ta’ pjattaforma e-learning. L-għan hu li l-komunità tifhem u tiffamiljarizza iżjed mal-qasam tal-e-Commerce.
Il-proġett e-Biznify jaqa’ taħt il-Programm tal-Fond Soċjali Ewropew u għalih ġew allokati €320,000, proġett li se jkun immexxi mill-Awtorità Maltija għall-Kommunikazzjoni. L-ewwwel kors se jibda f’Ottubru 2018.
Biex tirreġistra għall-kors e-Biznify wieħed jista’ jżur is-sit: www.mca.org.mt/initiatives/e-commerce-training-programme