Deċiżjoni finali dwar Wied Għomor.
L-ebda żvilupp f’dan il-Wied meqjus bħala l-pulmun tal-inħawi bejn San Ġwann u s-Swieqi.
Oriġinarjament kien propost żvilupp għal Dar tal-Anzjani f’barriera f’dan il-Wied.
F’Mejju ta’ sentejn ilu l-Awtorità tal-Ippjanar ivvutat bil-qawwi kontra l-iżvilupp fejn dakinhar il-vot kontra kien wieħed unanimu.
Wara li l-iżviluppaturi ressqu l-appell għal din id-deċiżjoni, it-Tribunal tar-Reviżjoni tal-Ippjanar kkonferma d-deċiżjoni li kienet ħadet l-Awtorità tal-Ippjanar u ordna li ma jsirx l-iżvilupp propost fuq din l-art verġni.
Il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera wkoll kien personalment kontra l-iżvilupp f’Wied Għomor.
Huwa kien propona li dan il-Wied jiġi taħt l-att tad-dominju pubbliku sabiex ikun protett u ma jibqax mhedded mill-iżvilupp.
Sadanittant l-Awtorità tal-Ippjanar se tkun qed twettaq xogħlijiet ta’ tiswija u tisbiħ fuq il-bini li qabel kienet magħrufa bħala l-lukanda International f’Buġibba.
Dan bil-għan li jittaffa l-impatt viżiv negattiv fejn se jingħalaq l-aċċess għal dan il-bini u kif ukoll il-faċċata se tkun miżbugħa.
L-Awtorità tal-Ippjanar qed issib rimedju biex tindirizza l-istat ta’ bini u siti li jħallu impatt viżiv negattiv f’żoni urbani.
Fi stqarrija l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li filwaqt li l-bini jaf ma jkunx illegali, l-Awtorità xorta tista’ tieħu azzjoni, bl-ispejjeż tax-xogħlijiet jiġu rkuprati mis-sid tal-bini inkwistjoni.