Mhux minnu li l-warrants tal-għalliema se jitneħħew jew jiġu rtirati u l-ebda warrant mhi se tiskadi.
Sostna dan il-Ministeru tal-Edukazzjoni fi stqarrija b’risposta għal kritika mill-Unjin Maltija tal-Għalliema l-MUT għal abbozz ta’ liġi biex jiġi aġġornat l-att dwar l-edukazzjoni.
F’laqgħa mal-membri tax-xandir, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni Frank Fabri qal li l-liġi proposta tneħħi l-poter li l-Ministru jagħti jew ineħħi l-warrant tal-għalliema.Minflok, stqarr li dan il-poter se jgħaddi f’idejn il-Kunsill għall-Professjoni tal-Għalliema. Dan il-pass kien imfaħħar mill-MUT.
Dwar kritika li l-liġi kif proposta se torbot il-warrant mal-iżvilupp kontinwu tal-għalliem, Dr Fabri spjega kif dan jinsab diġà fil-liġi eżistenti u ladarba tgħaddi l-liġi, dan se jkun irregolat mill-istess Kunsill.
Saħaq li permezz tal-ftehim settorali ffirmat fl-aħħar tas-sena li għaddiet, issa l-edukaturi se jkollhom il-mezzi biex jagħmlu dan l-iżvilupp kontinwu li joffri wkoll għadd ta’ inċentivi, fosthom promozzjonijiet li qabel ma kinux aċċessibbli.
Żied li l-liġi tħarrax il-pieni għal kull tip ta’ vjolenza jew theddid fuq l-edukaturi u dawk kollha li joffru servizz fil-ħidma tal-iskejjel.
Intqal kif il-Ministeru stieden lill-MUT biex jiddiskutu dawn il-bidliet.