Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konsrvazzjonisti, l-FKNK, ikkundannat kull tip ta’ illegalità li tinvolvi għasafar protetti u l-ambjent naturali.
Dan fid-dawl ta’ rapporti dwar is-sejba ta’ fjamingu li ttella’ mill-baħar fil-Kosta ta’ Għawdex fejn instab li kien ferut.
Fi stqarrija l-FKNK qalet kif hi tippromwovi kaċċa legali u sostenibbli b’riżultat ta’ konsum gastronomiku ta’ riżorsi naturali u kif l-ebda att illegali m’hu aċċettat fejn sfortunatament dawn il-każijiet qed itappnu l-kaċċa sostenibbli.
Spjegat kif mhux minnu li każijiet bħal dawn iseħħu għax ikun fetaħ l-istaġun tal-kaċċa, dan b’referenza għal filmat maħruġ minn Bird Life Malta fejn sostnew kif każijiet bħal dawn ikomplu jseħħu hekk kif jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa.
Il-Birdlife Malta kitbet kif dan mhux l-ewwel każ ta’ kaċċa llegali minn meta fetaħ l-istaġun tal-kaċċa, hekk kif mill-1 ta’ Settembru nġabru żewġ speċi oħra ta’ għasafar protetti.
L-FKNK spjegat kif l-prattika tal-kaċċa f’Malta, l-istess bħall-pajjiżi kollha tal-Mediterran tiġi pprattikata fil-maġġur parti tagħha fuq tjur kaċċabbli li huma migratorji. Intqal kif fl-istess żmien ipassu mijiet ta’ speċi differenti li jibqgħu sejrin sax-xitwa u mhux xieraq li kulħadd jiġi ikkastigat kollettivament
Għaldaqstant l-FKNK talbet lill-membri tagħha sabiex min għandu xi informazzjoni fuq dan il-każ jgħaddiha minnufih lis-sezzjoni tal-Pulizija tal-Environment Protection Unit fuq 21224001.