Il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar fi ħdan l-uffiċċju tal-Ombudsman il-Perit Alan Saliba, ġab fix-xejn allegazzjonijiet u lmenti mid-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar dwar l-iżvilupp tal-bypass tal-Mellieħa.
Kien f’Mejju li għadda li Cutajar staqsa għall-investigazzjoni mill-uffiċċju tal-Ombudsman dwar l-amministrazzjoni tax-xogħol fil-Bypass tal-Mellieħa mill-Awtorità għall-Artijiet, l-Awtorità għall-Ippjanar u Transport Malta.
Madanakollu rapport investigattiv li tqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra mill-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg juri li fl-ebda punt ix-xogħol ta’ żvilupp maġenb Triq Louis Wettinger ma rifes fuq art pubblika.
Rigward l-amministrazzjoni tax-xogħol minn naħa tal-Awtorità tal-Ippjanar l-uffiċċju tal-Ombudsman kkonkluda li d-deċiżjoni dwar ix-xogħol li sar ittieħdet biss wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati.
Dan filwaqt li fl-ebda mument ma deher li kien hemm xi irregolarità.
Dwar ix-xogħol minn Transport Malta l-uffiċċju tal-Ombudsman qal li din l-awtorità għamlet xogħolha skont il-pjan tal-proġett.
L-uffiċċju nnota wkoll li Transport Malta operat fuq diversi fatturi fosthom li fl-2004 konsulenti franċiżi sabu li l-istess bypass minħabba li kienet wiesgħa kienet tistieden lis-sewwieqa jsuqu b’veloċitajiet eċċessivi.
Kien għalhekk li l-limitu tal-veloċità f’din il-bypass kien ta’ 40 kilometru s-siegħa.