L-allegata telefonata minn Pierre Darmanin lill-Ministru Chris Cardona ma seħħitx.
Issostni dan The Malta Independent, li spjegat kif dan kien ikkonfermat minn sorsi Maltin u barranin qrib l-investigazzjoni.
Mill-banda l-oħra, intqal li huwa minnu li Pierre Darmanin ċempel lill-aħwa Alfred u George Degiorgio, tnejn minn nies akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dan ftit wara li Pierre Darmanin, li għal xi żmien kellu lil Peter Caruana Galizia bħala l-avukat tiegħu, tkellem ma’ Daphne Caruana Galizia.
Dan eżatt wara li f’Ottobru 2016, Caruana Galizia kitbet dwar allegati każi ta’ kuntrabandu ta’ fuel.
La Repubblica, waħda mis-sħab f’The Daphne Project, allegat li dakinhar li sar hekk, Darmanin tkellem mal-blogger u wara ma’ Cardona u Alfred Degiorgio.
Però dak żvelat mill-Independent jirriżulta li m’hemm ebda prova li saret telefonata lil Cardona.
Barra minn hekk, irriżulta wkoll li l-ewwel kuntatt bejn Daphne Caruana Galizia u Pierre Darmanin bdietu hi u mhux kif indikat La Repubblica.
Dan f’telefonata fil-31 ta’ Ottubru 2016 fis-14.29 ta’ waranofsinhar. Telefonata li damet 411-il sekonda.