Il-pulizija għadha qed tipprova tistabilixxi x’seħħ biex il-Ġermaniż Mike Mansholt spiċċa taħt l-irdum ta’ Ħad-Dingli. Peró sorsi fil-Korp tal-Pulizija spjegaw li qed ikun eskluż kważi għal kollox li f’dan il-każ kien hemm dak magħruf bħala ‘foul play’, li jfisser l-involviment ta’ persuna oħra.
Mansholt kien għal btala f’Malta u kien meta ma marx lura pajjiżu li sar ir-rapport li kien nieqes u bdiet tfittxija intensiva għalih.
Tfittixija li fis-sigħat li ġejjin mistennija tkompli. Din id-darba mhux għall-persuna iżda għal basket li kellu ż-żagħżugħ, meqjus bħala avventuruż. Hija x-xewqa tal-investigaturi li jkollhom il-mobile taż-żagħżugħ fil-pussess tagħhom bil-għan li jkunu jafu x’seta’ ġara fil-mumenti qabel iż-żagħżugħ spiċċa qalb il-blat iebes tal-irdum, fejn eventwalment instab bla ħajja. Li kompla jqajjem mistoqsijiet hu l-fatt li l-ħsara fuq ir-rota tiegħu mhix ħsara li wieħed jistenna meta jkun hemm waqa’ mill-ogħli.