Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal fis-sessjoni Parlamentari li ebda student mhu se jkun żvantaġġat minħabba problemi akustiċi li kien hemm fl-eżami tas-smigħ fl-‘O’ level tal-listening comprehension tat-Taljan, Ġermaniż, Franċiż u Spanjol.
Il-Ministru Bartolo kien qed iwieġeb lill-membru parlamentari nazzjonalista George Pullicino li poġġa fuq il-mejda tal-Kamra petizzjoni ffirmata minn 1,772 student jitolbu rimedju għal dak li għaddew minnu. Bartolo qal li l-Board tal-Matsec se jagħmel kuntatt ma’ kull student biex jinfurmahom x’passi se jittieħdu.
L-uffiċċju tal-MATSEC filfatt qal li se jkun qed jinvestiga dan il-każ wara li rċieva numru ta’ lmenti. Dan L-istudenti lmentaw kif ma setgħux jisimgħu sew u għalhekk kienu ħafna dawk li kitbu jew ikkuntattjaw lill-Matsec.
Kien hemm madwar 1,600 student li kellhom dan l-eżami li jgħodd 21% tal-marka globali.
L-istudenti kienu assenjati fi 22 kamra differenti, fl-iskola De La Salle. Wara l-investigazzjoni se tkun qed tittieħed deċiżjoni dwar x’azzjoni għandu jkun hemm.