L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qalet li l-informazzjoni li għandha f’idejha ma turix rabta bejn il-vaċċin tal-AstraZeneca kontra l-COVID-19 u t-trombożi, wara li laqqgħet kumitat apposta biex jistudja l-effetti tal-vaċċin wara rapporti ta’ trombożi f’pajjiżi Ewropej.
Għalhekk, l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa kkonfermat li l-vaċċin tal-AstraZenca għandu effetti pożittivi b’potenzjal li jipprevjeni l-infezzjonijet u l-imwiet madwar id-dinja.
Fi stqarrija uffiċjali l-Ġimgħa, il-WHO qalet ukoll li l-każijiet ta’ trombożi li feġġew wara li xi persuni tlaqqmu b’dan il-vaċċin, mhumiex aktar minn dak prevvist minħabba li t-trombożi fost l-oħrajn hija kundizzjoni komuni.
Fakkret ukoll kif jum qabilha, l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini, l-EMA, wkoll irrevedit investigazzjonijet dwar it-tilqima, u qalet li ma stabbiliet l-ebda relazzjoni bejn il-vaċċin u dawn il-każijiet ta’ trombożi.
L-Għaqda ħeġġet biex il-pajjiżi jkomplu jedukaw il-ħaddiema tas-saħħa u l-pubbliku dwar kull vaċċin li bħalissa huwa disponibbli għall-COVID-19, u biex ikun hemm monitoraġġ tas-sigurtà tal-vaċċini kollha.
Il-kumitat tal-WHO se jibqa’ jirrevedi u jinvestiga s-sigurtà ta’ kull vaċċin kontra l-COVID-19 li huwa disponibbli għall-pajjiżi, u se jibqa’ jipprovdi l-informazzjoni u l-gwida adekwata dwar ir-riċerka li qed issir.