“Ebda pajjiż Ewropew ma għandu jħossu abbandunat fuq l-ebda kwistjoni” qal id-Deputat Labirista Glenn Bedingfield meta indirizza l-laqgħa taċ-Chairpersons tal-Presidenti tal-Kumitati Parlamentari tal-Affarijiet Ewropej fi Vjenna. Fil-laqgħa kienu diskussi l-rikoritajiet tal-Presidenza Awstrijaka tal-UE għas-sitt xhur li ġejjin.
L-Unjoni Ewropea hija għaqda ta’ pajjiżi li jippromwovu l-paċi, t-tolleranza u s-solidarjetà. Dan il-prinċipju ta’ solidarjetà għandu jiggwida lill-istati membri biex jaħdmu flimkien fuq kwistjonijiet li jinħolqu.
Malta u l-ġirien tagħha ma jistgħux jerfgħu l-piż tal-problema weħidhom. Ir-regoli ta’ Dublin m’humiex ġusti għax iħallu pajjiżi bħal Malta jiffaċċjaw weħidhom il-problema tal-immigrazzjoni u juru li l-Ewropa tfalli meta tkun iffaċjata bi krizi bħalma qed niffaċċjaw bħalissa, qal dan Bedingfield.
Spjega kif is-solidarjetà għandha tintwera bil-fatti mhux b’dikjarazzjonijiet fuq il-karta u ħeġġeġ lill Presidenza Awstrijaka biex tagħmel pressjoni fuq il-gvernijiet Ewropej sabiex iħarsu lejn il-problema tal-immigrazzjoni llegali b’moħħ miftuħ ħalli jittieħdu l-azzjonijiet kollha li hemm bżonn jittieħdu fir-rispett tal-liġijiet internazzjonali kif qed jagħmel il-gvern Malti bħalissa ffaċċjat minn sitwazzjoni bla preċedent fejn kellu jieħu pożizzjoni li tirrifletti s-sitwazzjoni kif żviluppat.