Investigazzjoni li saret fuq id-debba li waqgħet fit-triq is-Sibt li għadda, wera li din ma kinitx maħqura minn sidha u li tinsab fi stat tajjeb ta’ saħħa. Id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali investiga l-każ wara li sidha ġie identifikat, u saret spezzjoni minn uffiċjali tal-Animal Welfare u Veterinarju fejn sar eżami mediku fuq id-debba kif ukoll ġew spezzjonati l-istalel tas-sid.
L-investigazzjoni wriet li d-debba tinsab f’ċirkostanzi tajbin ta’ saħħa, ħlief għal xi selħiet riżultat tal-inċident stess, li qed jiġu trattati skont il-pariri tal-veterinarji. Id-Direttorat ikkonkluda li ma saret l-ebda moħqrija fuq l-annimal, imma l-inċident seta’ ġie ikkawżat minn fatturi oħra li mhumiex relatati mal-fatt li d-debba ma kinetx trattata b’mod tajjeb.
F’post fuq Facebook, is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri talab biex kull min jinnota każijiet bħal dawn jinforma lid-Direttorat billi jċempel 1717 biex l-uffiċjali jkunu jistgħu jinvestigaw immedjatament.