Il-konklużjoni tal-inkjesta indipendenti dwar il-mewt ta’ Stephen Mangion fl-aħħar ta’ Awwissu li għadda fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, li ġiet ippubblikata t-Tlieta, qalet li l-ebda ħaddiem tas-servizz tas-saħħa ma kien responsabbli għal dan.
Din tkompli tikkonferma u jsaħħaħ dak li ħareġ mill-inkjesta, li tmexxiet mill-Maġistrat Joe Mifsud dwar l-istess każ u li ġiet ippubblikata ftit tal-ġimgħat ilu.
Intqal li minħabba l-kumplessità u d-dissezzjoni tal-aorta estensiva, xejn ma seta’ jsir biex tiġi evitata l-mewt ta’ Mangion, li kellu ħamsa u ħamsin sena.
L-inkjesta indipendeti tenniet li l-kundizzjoni tar-raġel kienet ilha li tiżviluppa minn kmieni fil-ġurnata għall-ħabta tal-erbgħa ta’ filgħodu, meta Mangion beda jħoss l-ewwel uġigħ, biex imbagħad kompliet tiggrava sal-ħin li mar fiċ-Ċentru tas-Saħħa għall-ħabta tas-sebgħa u għaxra ta’ filgħaxija.
Stqarrija mill-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva qalet li ż-żewġ inkjesti mill-ġdid ixejnu kull tip ta’ allegazzjonijiet li seta’ kien hemm xi negliġenza, kif ipprovat timplika l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, waqt li wkoll rikbet fuq fake news f’dan il-każ ukoll.
Il-bord għamel diversi rakkomandazzjonijiet bil-għan li jkomplu jitjiebu s-servizzi fl-Emerġenza tal-isptar, fosthom servizz ħolistiku ta’ informatika u l-espansjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza.
Il-Ministeru jilqa’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet li jixprunaw is-sensiela ta’ riformi li qegħdin f’fażi ta’ implimentazzjoni.