Il-Malti jgħid “kull deni ħudu b’ġid”, u hekk fissret il-pandemija għad-Dipartiment tal-Emerġenza fi żmien il-festi tal-Milied, hekk kif għall-ewwel darba f’ħafna snin, ma kien hemm l-ebda rapport ta’ inċident tat-traffiku maġġuri minħabba xorb u sewqan f’dawn il-jiem tal-festi.
Ma’ ONE News, il-Kap tad-Dipartiment tal-Emerġenza t-Tabib Michael Spiteri, qal li din l-aħbar pożittiva hija dovuta għall-fatt li fit-toroq hemm inqas nies isuqu u mhux isiru avvenimenti tal-massa.
Fl-istess waqt, in-nies qed jinġabru fi djarhom u allura jonqos iċ-ċans li wieħed jixrob u jsuq.
Il-Kap tad-Dipartiment tal-Emerġenza, Dr Michael Spiteri spjega: “Fortunatament jidher li waħda mill-ftit affarijiet tajbin li kien hemm bl-imxija tal-Covid hija li n-nies irrealizzaw li x-xorb u s-sewqan jew attivitajiet kbar fuq barra fejn ikun hemm xorb eċċessiv, ma jmorrux flimkien. Għaldaqstant nixtieq kieku din it-trend tkompli anki issa għall-festi tal-ewwel tas-sena u ta’ min joqgħod attent ukoll u jiġbed l-attenzjoni tan-nies li inti jekk ħa tixrob b’mod eċċessiv, mhux biss jista’ jkollok inċident fit-toroq imma jista’ jkollok inċident fid-djar stess.”
Ix-xewqa tat-tabib hija li din it-tendenza trendi u tibqa’ fis-snin li ġejjin, għaliex fi kliemu kull inċident huwa ikrah, imma f’dawn iż-żminijiet tas-sena jħallu timbru akbar, speċjalment fuq il-qraba tal-vittmi.
Dr Spiteri tenna: “Ta’ kull Christmas u ta’ kull l-ewwel tas-sena, aħna hawnhekk dejjem niftakru, kważi hija drawwa tagħna, li bejnietna ngħidu tiftakar dak l-inċident bħal-lum pereżempju? U dejjem fi ħsibna dejjem ikun hemm il-pazjenti u iktar kważi r-relatives li dawn minjaf kull sena xi jkunu qed iħossu.”
Jiem qabel tintemm sena li kienet ta’ sfida għal kulħadd, il-Kap tad-Dipartiment tal-Emerġenza qal li fl-elfejn u għoxrin, il-poplu wera li kapaċi jqum għall-okkażjoni, u l-ħaddiema tad-Dipartiment li jmexxi wrew bil-fatti li l-interess tal-pazjent jiġi l-ewwel u qabel kollox.
Huwa sostna: “Definittivament qatt ma kellna sena li fiha pereżempju biddilna żewġ jew tliet Dipartimenti tal-Emerġenza, inbidlu l-workloads tal-Emerġenza kważi on a weekly basis għax il-ħin kollha nsegwu s-sitwazzjoni u naġġustaw skont il-ħtieġa, rajt nies, staff, li għejjew u taw il-100% tagħhom imma dejjem ħdimna flimkien, jiġifieri overall għalkemm kienet sena diffiċli, sodisfatt ħafna bil-ħaddiema kollha tas-saħħa speċjalment id-Dipartiment li nirrapreżenta jiena.”