Tul dawn l-aħħar sentejn, Malta ma kellha l-ebda każ irrapurtat ta’ ħosba u rubella.
Dan irriżulta minn rapport li sar miċ-Ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard li jsir ta’ kull xahar dwar mard infettiv fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u minnu rriżulta li l-aħħar li Malta kellha każijiet ta’ ħosba kien lura fl-elfejn u ħmistax.
Minn l-ewwel ta’ Frar tas-sena li għaddiet sa Jannar ta’ din is-sena, kien pajjiżna biss, mit-tletin pajjiż tal-Unjoni Ewropea, li ma rraporta l-ebda każ ta’ ħosba f’perjodu ta’ tnax-il xahar.Dan filwaqt li l-Greċja u Franza partikolarment irrapurtaw żieda fin-numru ta’ każijiet ta’ rubella u ħosba.
Is-supretendent tas-saħħa pubblika, Charmaine Gauci, ma’ ONE News fakkret li dan il-mard jista’ jiġi evitat permezz tat-tilqim.
Sostniet li filwaqt li l-parti kbira tal-popolazzjoni ħadet it-tilqima tal-MMR li tkopri l-ħosba, r-rubella u l-gattone, xorta għad fadal xi jsir.
Spjegat kif “infatti naraw li t-tilqim jicoverja 90% tal-popolazzjoni tagħna, pero dan mhuwiex biżżejjed, irridu naħdmu biex nilħqu l-mira li anke tirrakomanda l-għaqda dinjija tas-saħħa ta’ 95% għax jekk ma nilħqux din il-mira jista’ jkun hemm riskju li jista’ jibda jidħol dan it-tip ta’ mard f’Malta”
Hija fakkret x’inhuma s-sintomi u l-konsegwenzi tal-ħosba u r-rubella.
Gauci qalet li “Tibda b’dak il-viral illness imbagħad joħroġ ir-raxx u jista’ jkollok kumplikazzjonijiet ta’ infezzjonijiet tal-pulmun u anke fil-moħħ u jista’ anke jkun hemm imwiet, ir-rubella l-aktar li tinkwetana speċjalment jekk ikollok mara tqila għax tista’ tgħaddi dan il-virus lit-tarbija u t-tarbija tista’ titwieled bil-congenital rubella syndrome b’kumplikazzjonijiet fil-qalb, fil-widnejn u fil-moħħ.”
Charmaine Gauci żiedet tappella lill-ġenituri għat-tilqim lit-tfal tagħhom għax sostniet li t-tilqima hija sikura u tista’ tevita kumplikazzjonijiet ta’ mard u saħansitra anke mwiet.