Ma ingħatax il-ħelsien mill-arrest Karl Vella Petroni li jinsab mixli li qatel lil żewġt’irġiel b’mod involontarju, f’inċident li seħħ fis-sitta ta’ Mejju.
Il-vittmi huma Pakistani ta’ 42 u 33 sena, u l-inċident seħħ il-Mosta.
Illum kompliet il-kumpilazzjoni ta’ evidenza fil-konfront ta’ Vella Petroni. Waqt li llum instemgħu x-xieda, it-Tabib tal-Emerġenza Michael Spiteri qal li sab wieħed mill-vittmi f’għalqa u ieħor fuq bankina. Ir-raġel li kien fuq bankina ingħata d-demm iżda qalbu kienet laħqet waqfet.
Il-Kuntistabbli David Mizzi, stazzjonat l-Għassa tal-Mosta, qal li Vella Petroni qal lil Pulizija li kien is-sid tal-karozza, u li xammlu riħa ta’ xorb.
L-Avukat Charles Mercieca, li qed jidher għall-akkużat, qal li missier l-akkużat għamel appuntament ma’ psikologu u mal-Caritas biex jingħata trattament li għandu bżonn. Qal ukoll li għandu xogħol stabbli u lest li jsegwi appuntamenti ma’ psikologu.