Il-konfront bejn Sliema Wanderers u Mosta ma’ pproduċa ebda goal, bil-Wanderers ifallu żewġ punti għat-tieni ġimgħa konsekuttiva, waqt li Mosta jiksbu draw meta rebħa ċertament li kienet tkun aktar prezzjuza għalihom.
Iżda fil-fatt Sliema kienu superjuri għal ħinijiet twal tant li Mosta rari heddew il-lasta difiża mill-goalkeeper Slimiż Rashed Al Tumi.
Sliema ddominaw l-ewwel 45 minuta iżda ftit li xejn kienu preċiżi fil-konkluzjonijiet tagħhom, tant li l-ewwel azzjoni denja waslet fis-26 minuta meta xutt mill-bogħod ta’ James Arthur għadda ftit għoli. Minuta wara kien il-goalkeeper Mosti Akpan li salva tajjeb ix-xutt mill-qrib ta’ Mohamed Awad.
Sliema kellhom jistennew sa ftit minuti qabel il-mistrieħ biex jerġgħu jheddu b’xutt mill-bogħod ta’ Neil Frendo fit-42 minuta jgħaddi ftit għoli.
L-istess għamel żewġ minuti wara Joachim Adukor li x-xutt tiegħu lejn il-lasti Mostin falla l-mira wkoll.
Fit-tieni taqsima l-Wanderers baqgħu aktar insidjużi imma sabuha ferm diffiċli jinfdu d-difiża organizzata tal-Mostin.
Fis-47 minuta xutt imkaxkar ta’ Joachim Adukor ġie mblukkat mill-goaler Akpan biex mir-rebound Jake Engerer spara għoli.
Akpan wettaq save ieħor tajjeb fuq tentattiv ta’ James Arthur fl-54 minuta, iżda mbagħad kellna nistennew ħin twil biex nerġgħu naraw azzjoni oħra denja.
Din waslet fit-83 minuta meta Samuel Gomes Da Mata xxuttja għoli minn qagħda tajba. Żewġ minuti wara kien Lydon Micallef, li bħal Da Mata daħal bħala sostitut fit-tieni taqsima, li xxuttja għoli għal dak li kien l-aħħar ċans Slimiż.
Mosta ttantaw xortihom b’xutt mill-bogħod ta’ Christian Nnaji fit-88 minuta bil-ballun jmur ftit barra.
Referee: Alex Johnson
BOV Plejer tal-Logħba: Joachim Adukor (Sliema W.)