Mosta u Sirens ħadu punt kull wieħed fi draw mingħajr goals li żgur ma ssodisfa lil ħadd miż-żewġ timijiet fit-taqtiegħa kontra r-relegation. Fil-fatt Mosta għamlu pass żgħir ‘il quddiem, mentri Sirens għalkemm inqalgħu mill-aħħar post, baqgħu f’sitwazzjoni ferm gravi.
Mosta ddominaw l-ewwel taqsima imma minkejja d-diversi okkażjonijiet li kellhom, naqsu milli jsibu x-xibka avversarja.
L-ewwel periklu ħolquħ fl-20 minuta meta Chidera Nwoga approfitta minn inċertezza fid-difiża avversarja biex ra x-xutt tiegħu jigi mblukkat, jieħdu sieħbu Christian Nnaji li ndirizza xutt għal-lasta imma d-difensur Daniel Murillo kklerja fil-ħin biex evita goal ċert.
Erba’ minuti biss wara minn azzjoni ta’ corner mogħti minn Precious Tenebe, id-daqqa ta’ ras ta’ Armen Hovhannisyan għaddiet tul il-lasta bil-ballun jispiċċa barra.
Fis-26 minuta l-istess Hovhannisyan żmarka tajjeb lil Nnaji imma l-goalkeeper Andrea Cassar imblokka tajjeb biex evita l-periklu.
Mosta baqgħu jagħfsu u fil-31 minuta minn corner ieħor mogħti minn Tenebe, Chara Valois laqat il-lasta l-wieqfa b’xutt mill-qrib.
It-tieni taqsima rat lil Sirens joħolqu l-ewwel azzjoni perikoluża fil-50 minuta meta Gilberto Martins daħal tajjeb fil-kaxxa u minn ftit passi bogħod ixxuttja għoli.
Mosta wieġbu b’azzjoni personali ta’ Hovhannisyan żewg minuti wara bil-konklużjoni tiegħu tgħaddi kemm kemm għoli.
Fil-65 minuta freekick ta’ Gilberto Martins għal Sirens spiċċa gholi, waqt li n-naha l-ohra fl-74 minuta Ben Aziz Dao ixxuttja ftit barra.
L-aħħar azzjoni waslet fit-88 minuta permezz ta’ Precious Tenebe għal Mosta li nkariga ruħu minn freekick imma xxuttja għoli.
Referee: Ishmael Barbara
BOV Plejer tal-Logħba: Armen Hovhannisyan (Mosta)