Il-kumpanija EMD Advisory Services li f’Panama Papers dehret bħala l-iktar kumpanija Maltija b’assoċjazzjoni ma’ kontijiet f’ġurisdizzjonijiet meqjusa bħala ‘tax havens’ ma setgħet tagħti ebda garanzija li fost it-72 kumpanija li assitiet m’hemmx uħud li s-sors tal-fondi tagħhom huwa lleċtu.
Dan wara mistoqsijiet ta’ ONE NEWS b’reazzjoni għal dritt ta’ risposta li l-kumpanija ta’ oħt Richard Cachia Caruana bagħtet fl-aħħar jiem.
L-EMD qaltilna li qatt ma assistiet persuni esposti politikament (PEPs). Iżda, r-reazzjoni ta’ ONE NEWS kienet immedjata. Staqsejna kif nistgħu noqogħdu fuq din id-dikjarazzjoni meta dawn it-72 kumpanija, il-maġġoranza tagħhom reġistrati fil-British Virgin Islands, ma nafux ta’ min huma.
“Tista’ toffri garanzija li ħadd minn dawn il-kumpaniji li assistejtu m’hu involut f’koruzzjoni, ħasil ta’ flus jew atti llegali oħra?” staqsa ONE NEWS.
Bil-kumpanija twieġeb biss: “Dwar il-mistoqsijiet li inti ressaqt fl-email tal-bieraħ 11 ta’ Mejju 2016, EMD tgħarrfek u tassigurak li tħaddan l-ogħla livelli ta’ etika u konformità mal-Liġijiet ta’ Malta u dejjem wettqet il-prattiċi kollha mistennija skont il-Liġi.”
Fost is-sidien ta’ din il-kumpanija hemm Louise Ellul Cachia Caruana li nħatret fil-bord tal-MFSA fl-2008 mill-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech u baqgħet fuq l-istess bord għal numru ta’ snin. Fil-fatt spiċċat mill-kariga tagħha fl-2014.
Lill-kumpanija EMD jagħtiha konsulenza wkoll ħuha Richard Cachia Caruana, eks konsulent ta’ Prim Ministri, ambaxxatur u strateġista tal-Partit Nazzjonalista. Bi 72 kumpanija l-EMD hija l-iktar kumpanija li tirrappreżenta interessi ta’ kumpaniji u azzjonisti li jissemmew f’Panama Papers.
Tant hemm rabtiet ma’ kumpaniji li jissemmew f’Panama Papers li fuq is-sit tal-konsorzju tal-ġurnalisti (ICIJ) saret nota biex tgħid li din il-kumpanija tant tirrappreżenta interessi li ma setgħux jagħmlu grafika kif għamlu f’każi oħra bil-għan li kollox ikun spjegat bl-aħjar mod.
DRITT GĦAR-RISPOSTA
Intant għall-mistoqsijiet tagħna EMD insistiet li nippubblikaw id-dritt għar-risposta. Xi ħaġa li ngħamlu mingħajr diffikulta.
B’referenza għal rapporti fl-istampa lokali wara l-pubblikazzjoni tal-Panama Papers EMD tixtieq tagħmel il-kjarifiki li ġejjin:
- Flimkien ma’ entitajiet u kumpaniji oħra ta’ reputazzjoni f’Malta, EMD tipprovdi servizzi korporattivi lis-settur tas-servizzi finanzjarji. Huma proprju entitajiet bħal dawn li f’dawn l- aħħar 16-il sena għenu biex Malta ssir iċ-ċentru ta’ servizzi finanzjarji ta’ suċċess li hija llum.
- EMD qatt ma assistiet persuni esposti politikament (PEPs), bħala fiduċjarji jew mhux, minn xi ġuriżdizzjoni barranija jew dik Maltija biex iwaqqfu kumpaniji, trusts jew xi entitajiet oħra fil- British Virgin Islands (BVI), fil-Panama jew ġuriżdizzjonijiet simili.
- Ir-relazzjoni ta’ Richard Cachia Caruana ma’ EMD hija esklussivament dik ta’ konsulent tal- kumpanija u l-klijenti tagħha fi kwistjonijiet relatati mal-Unjoni Ewropea. Huwa qatt ma kellu ishma, pożizzjonijiet ta’ direttur jew pożizzjonijiet maniġerjali oħra f’EMD.