Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista, Marthese Portelli, ma tat ebda garanzija li bi Gvern Nazzjonalista ma jkunx hemm żieda fil-prezzijiet tal-elettriku. Waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-prezzijiet tal-fuel, Marthese Portelli kienet iffaċjata bil-fatt li pajjiżi oħra qed iżidu l-prezz tal-elettriku, iżda Malta le.
Hawn qalet li “l-prezzijiet tad-dawl u l-ilma f’Malta huma grazzi għall-politika tal-Partit Nazzjonalista.”
Però meta mitluba tagħti garanzija li l-prezzijiet ma jkunux ogħla minn kif inhuma llum bi gvern Nazzjonalista, Portelli fl-ebda ħin m’għamlet dan. Meta l-ġurnalisti staqsewha xinhi l-politika tal-Partit Nazzjonalista b’rabta mal-prezz internazzjonali taż-żejt u jekk jerġgħux jibdew jirrevedu kull xahar, Portelli ħarbet il-mistoqsija u qalet li l-Partit Nazzjonalista se jippubblika l-politika tiegħu dwar l-enerġija.
Fl-aħħar sigħat il-Partit Laburista qal li bid-dikjarazzjonijiet tal-PN dwar ir-reazzjoni għall-prezz tal-fuel, huwa ċar li kieku llum żdiedu l-prezzijiet tal-elettriku.