L-andament tas-suq tal-kera f’pajjiżna huwa wieħed sostenibbili u m’hemm l-ebda sinjali ta’ bużżieqa artifijali fis-suq tal-kera. Għall-kuntrarju, jidher li meta mqabbel mal-andament ekonomiku, is-suq huwa sostenibbli.
Jikkonferma dan studju tal-ekonomista Gordon Cordina f’konferenza dwar is-suq tal-kera mtella’ mill-Malta Institute of Management.
Dr Cordina qal li “Bħalissa jidher li l-andament tas-suq huwa wieħed sostenibbli meta mqabbel mal-andament ekonomiku. Pero tajjeb nghidu wkoll li dan is-suq m’ghandux impatti biss ekonomiċi. Għandu wkoll impatti importanti soċjali u ambjentali. U fuq il-kwalita tal-ħajja tal-popolazzjoni kollha kemm hi. Għaldaqstant hu tajjeb li l-politika tal-Gvern tħares lejn dawn id-dimensjonijiet kollha meta tiġi biex tindirizza l-bżonnijiet tal-pajjiż f’dan is-settur tant importanti.” Għaldaqstant, Dr Cordina jispega li l-Gvern għandu jiżgura li dawn l-iżviluppi pożittivi ma jħallux impatt negattiv fuq dawk li ma jifilħux jixtru proprjetà.
Spjega li “Importanti għaldaqsekk li l-Gvern ikun hemmhekk biex jieħu ħsieb li dawn l-iżviluppi essenzjalment pożittivi, ma jkollhomx impatt negattiv fuq dik il-porzjon tal-popolazzjoni tagħna illi tiddependi fuq kirjiet, u kirjiet li huma f’livelli relattivament baxxi sabiex ikunu jistgħu jkollhom post diċenti fejn jgħixu.”
Dr Codrina żied jgħid li l-Gvern għandu jiżgura li s-suq kollu kemm hu jkun jaf aħjar fejn qegħdin il-prezzijiet tal-propjetà, u tal-kirjiet b’mod specjali ħalli kulħadd ikun sodisfatt bit-tip ta’ tranżazzjonijiet li jkun dieħel fihom.
Huwa spjega wkoll x’wassal għal ċertu żidiet fil-kirjiet fl-aħħar snin.
Hu sostna li “Fl-opinjoni tiegħi xi ftit miż-żieda li hawn ġejja mill-fatt li qabel kien hemm suq kajman iżżejjed u l-prezzijiet li suppost għolew matul is-snin issa forsi qegħdin ilaħħqu kollox f’daqqa.
Fi żmien ukoll fejn l-ekonomija qed tikber, allura dal-prezzijiet hemm min kapaċi jħallashom, u għandek il-popolazzjoni barranija li qed tikkontribwixxi għad-domanda.”
Iċ-Chairman ta’ Property Malta Sandro Chetcuti, u l-Kap Eżekuttiv ta’ Remax Kevin Buttigieg qablu li mhuma jaraw l-ebda bużżieqa f’dan is-settur.
Chetcuti qal li “Assolutament is-suq tal-kera m’hemm ebda bubble fih – jirriflettu prezzijiet fuq l-investiment li qed jaghmel l-individwu. Pero aħna wkoll qed nagħtu suġġerimenti nissuggerixxu lill-Gvern biex jindirizza l-affordability. Ghax hemm numru ta’ nies li mhux ilaħħqu l-kirjiet kif evolvew illum.”
Is-Segretarju Parlamentari għas-Suq tal-Proprjetà Chris Agius saħaq li għandhom jiġu fformalizzati l-kirjiet bejn is-sid u dawk li qed jikru. Huwa żied li l-pajjiż għandu jagħmel ħiltu biex jindirizza l-problema ta’ suq li qed jara tkabbir kontinwu u saħaq li l-ewwel pass għandu jkun il-mod ta’ kif qed jinbnew u jgħixu l-familji l-ġodda.