L-Istati Uniti insistiet li se titlaq mill-ftehim dwar il-klima ta’ Pariġi, minkejja rapporti li din setgħet taffiet il-pożizzjoni tagħha.
Wara l-laqgħa tal-Ministri tal-Ambjent nhar is-Sibt, il-kummissarju tal-UE dwar il-klima- Miguel Arias Canete, qal li l-uffiċjali ta’ Trump kienu indikaw li l-Istati Uniti se tibqa’ jew inkella li se tirrevedi t-termini tal-isħubija tagħha fil-qbil internazzjonali.
Imma l-White House insistiet li ma kien hemm “l-ebda bidla” fil-pożizzjoni tal-Istati Uniti.
F’Ġunju l-President Donald Trump qal li l-Istati Uniti se tirtira mill-ftehim.
Huwa qal li dan kien parti mid-“dmir solenni” tiegħu “li jipproteġi l-Amerka” u għalhekk kien se jinnegozja għal-ftehim ġdid li ma jkunx ta’ żvantaġġ għan-negozji Amerikani.
Iżda opponenti ta’ din id-deċiżjoni qalu li l-irtirar tal-Istati Uniti mill-ftehim huwa nuqqas ta’ sforz sabiex tingħeleb sfida globali ewlenija.
Il-ftehim ta’ Pariġi jimpenja lill-Istati Uniti flimkien ma’ 187 pajjiż ieħor biex iżommu t-temperaturi globali li qed jogħlew taħt livelli stipulati.